Monday, February 10, 2025

“Għandna opportunità kbira… huwa f’idejna li naħtfuha”

- Nayla Glaise, President tal-Eurocadres, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi

Aqra wkoll

“Huwa importanti għall-Eurocadres li l-ħidma tagħna fi Brussell ikollha impatt fil-livell nazzjonali. Permezz ta’ dan il-workshop f’Malta, b’kollegi ġejjin minn aktar minn disa’ pajjiżi differenti tal-UE, l-għan tagħna huwa li niżguraw li d-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi tiġi trasposta b’mod korrett, u jkollha impatt reali fil-postijiet tax-xogħol tagħna. Hija għodda li tista’ twassal biex tingħalaq id-differenza fil-pagi, speċjalment għall-Professjonisti u l-Maniġers fejn id-diskrepanzi huma l-ogħla.”

Qalet dan il-President tal-Eurocadres Nayla Glaise f’diskors li għamlet fi tmiem konferenza ta’ jumejn li saret fil-bini tal-GWU b’rabta mal-imsemmija Direttiva. Hija qalet li t-trade unions għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza, kif miktub fid-Direttiva, u dan it-test għandu jintuża biex jilħaq kemm jista’ jkun ħaddiema u postijiet tax-xogħol. “Għandna opportunità kbira, huwa f’idejna li naħtfuha,” temmet tgħid Glaise. 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin qalet li “f’Malta, il-professjonisti u l-maniġers jirċievu salarji ugwali. Huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-ħlasijiet żejda li jingħataw b’mod sproporzjonat lill-irġiel. In-nisa jiltaqgħu ma’ ostakli sinifikanti, peress li ħafna drabi jitilfu l-promozzjonijiet u l-avvanzi fil-karriera minħabba ċerti ċirkostanzi pereżempju l-leave tal-maternità u tul it-trobbija. Il-Gvern ta’ Malta diġà ħa passi importanti biex itejjeb il-policies tal-leave tal-maternità li jwasslu biex jitnaqqas id-distakk fil-pensjonijiet.”

Żiedet tgħid li l-impjegati jridu jiġu edukati u jkunu proattivi biex jassiguraw li d-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi tiġi implimentata b’mod effettiv. Huwa kruċjali li r-rappreżentanti tal-impjegati jkunu l-katalisti biex il-Union tkun konxja ta’ kwalunkwe ksur relatat mar-remunerazzjoni tal-impjegati.

Il-konferenza “𝐓𝐫𝐚𝐧𝐬𝐩𝐨𝐬𝐢𝐭𝐢𝐨𝐧 𝐨𝐟 𝐭𝐡𝐞 𝐏𝐚𝐲 𝐓𝐫𝐚𝐧𝐬𝐩𝐚𝐫𝐞𝐧𝐜𝐲 𝐃𝐢𝐫𝐞𝐜𝐭𝐢𝐯𝐞 – 𝐅𝐫𝐨𝐦 𝐃𝐢𝐫𝐞𝐜𝐭𝐢𝐯𝐞 𝐭𝐨 𝐍𝐚𝐭𝐢𝐨𝐧𝐚𝐥 𝐋𝐞𝐠𝐢𝐬𝐥𝐚𝐭𝐢𝐨𝐧” ittellgħet mill-Eurocadres – il-vuċi tat-trejdunjins għall-professjonisti u maniġers Ewropej – b’kollaborazzjoni mal-General Workers’ Union. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport