Monday, December 9, 2024

“Għandna responsabbiltà kollettiva biex niżguraw illi nirreaġixxu b’mod ħolistiku fit-tul”- Glenn Micallef

Aqra wkoll

Fid-diskors tiegħu ta’ introduzzjoni, Glenn Micallef qal li l-impenn personali tiegħu jinkorpora dan il-portafoll. “Jiena kont involut fid-demokrazija parteċipattiva minn età żgħira. Kelli rwol attiv fil-qasam taż-żgħażagħ, fl-isports u anke f’għaqdiet kulturali kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.”

Irrimarka li d-diversità, il-ġustizzja u s-solidarjetà dejjem kienu l-pedament tal-proġett Ewropew u dawn il-valuri Ewropej se jkollhom rwol importanti ħafna fil-ħidma tiegħu bħala Kummissarju. Qal ukoll; “Aħna nappoġġjaw il-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, li mhux biss qed jiddefendi pajjiżu imma wkoll il-valuri komuni tagħna. Aħna se nkomplu nappoġġjaw u ngħinu lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn li nagħmlu dan”.

Micallef insista li m’għandna nħallu l-ebda ġenerazzjoni li taqa’ lura u li għalhekk wieħed għandu jżomm f’moħħu l-ġenerazzjonijiet tal-futur f’kull azzjoni li tittieħed. “Għandna responsabbiltà kollettiva biex niżguraw illi nirreaġixxu b’mod ħolistiku fit-tul. Jekk niġi kkonfermat se nressaq strateġija dwar il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, nikkopera mal-membri kollha ta’ dan il-Parlament u dan il-Kumitat u l-Kulleġġ biex niżgura li jinstemgħu l-vuċijiet tal-ġenerazzjonijiet kollha u li tittieħed azzjoni dwar il-fehmiet tagħhom u niżgura li l-għodod kollha possibbli jintużaw biex jippromwovu l-ġustizzja interġenerazzjonali.”

Enfasizza wkoll li ż-żgħażagħ mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-politika u li għalhekk naraw li huma probabbli li jivvutaw inqas. Qal li huwa essenzjali li jkun hemm l-involviment taż-żgħażagħ fid-demokrazija Huwa nsista wkoll li l-ebda tifel jew tifla m’għandhom jitħallew lura.

“Waħda mill-akbar sfidi tagħna hi l-protezzjoni tas-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ, speċjalment minħabba f’dak li jsir online. Jekk niġi kkonfermat se mmexxi l-ħidma fuq il-pjan ta’ azzjoni kontra l-bullying permezz tal-internet filwaqt li naħdem fil-qrib mal-Kulleġġ biex inħaddan kwistjonijiet li jinkludu l-edukazzjoni, id-diġitali, is-sigurtà tal-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda kif ukoll niżgura l-ugwaljanza u s-saħħa.”

Micallef semma wkoll kif il-kultura u s-settur kreattiv għandhom potenzjal kbir għall-ekonomija tagħna imma ħafna minn dan il-potenzjal bħal donnu mhux qed jiġi sfrutta kif suppost. Qal li huwa meħtieġ approċċ aktar strateġiku f’dan ir-rigward u jekk ikun ikkonfermat se jwassal qafas strateġiku ġdid. Qafas li se jġib bidla radikali fis-settur biex nindirizzaw l-isfidi komuni, nipproteġu l-wirt kulturali tal-Ewropa mit-tibdil tal-klima, noħolqu valur miżjud għall-kultura fir-reġjuni tagħna u niżguraw li l-kultura tibbenefika minn teknoloġiji diġitali ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali.

F’dak li jirrigwardja s-settur sportiv, Micallef qal li se jiddedika l-enerġija kollha tiegħu biex jippreserva, jippromwovi l-mudell Ewropew tal-isport u l-valuri li naqsmu tal-ġustizzja, tolleranza, ugwaljanza li dan jinkorpora.

“Il-mudell Ewropew tal-isport huwa fundamentali għall-promozzjoni tal-valuri komuni tagħna fl-Unjoni u anke lil hinn, jekk niġi kkonfermat se nuża s-setgħa kollha tal-isport u tad-diplomazija kulturali biex nippromwovi l-paċi u nrawwem id-djalogu bejn in-nies.”

Sadanittant, Micallef assigura wkoll lill-MEPs li se jkun qed jissaħħaħ il-programm tal-Erasmus+. Fir-rigward tal-artisti, huwa qal li dawn għandhom jiffokaw fuq li jkunu kreattivi u mhux joqogħdu jinkwetaw li jaqilgħu għajxien diċenti.

Ekonomija

Sport