Waqt intervista fuq One Radio, il-Prim Ministru Robert Abela, tkellem fuq is-settur tat-turiżmu. Huwa spjega kif bil-ħidma li saret fuq livell ta’ Gvern, dan is-settur tant importanti għal pajjiżna rnexxielna nespanduh għas-sena kollha u mhux għax-xhur tas-sajf biss. Huwa nnota wkoll kif l-attività turistika qiegħda testendi tul il-pajjiż kollha.
Huwa qal li żar diversi lokalitajiet fosthom San Ġiljan, Wied il-Għajn u l-Ħamrun fejn dawn il-lokalitajiet juruk kif l-effett tat-turiżmu jestendi tul il-pajjiż kollu. Residenti u l-komunità kummerċjali ta’ Wied il-Għajn urew il-ħtieġa ta’ bżonn ta’ aktar investiment u proġetti li jġibu aktar turiżmu lejn il-lokalità.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-settur tal-cruise liners fejn qal lif is-sena l-oħra kellna l-wasla ta’ 150,000 passiġġier, din is-sena ser nilħqu n-nofs miljun passiġġier kif ukoll qed ikun stmat li għas-sena d-dieħla nilħqu s-700,000. passiġġier. Huwa spjega kif l-industrija tal-cruise liners tħalli mal-€100 miljun ewro fis-sena f’nefqa diretta f’pajjiżna.
Huwa kompla jgħid li qed naraw żieda fin-numru ta’ turisti li fit-tieni kwart irrisjedew f’lukandi. Dan jilħaq għal nofs miljun turist, aktar minn tliet darbiet li kellna s-sena li għaddiet fil-perjodu ekwivalenti.
“L-aktar aħbar li timlieni b’sodisfazzjon hija l-mira tal-wasliet li kellna għal din is-sena li x’aktarx ser nilħquha jekk mhux naqbżuha”, qal Abela.
Huwa qal ukoll kif is-settur marittimu, dejjem kien jifforma parti importanti mill-kejk ekonomiku ta’ pajjiżna tul dawn l-aħħar snin. Eżempju ta’ dan rajnieh fil-Valletta Cruise Port. Dan is-settur tal-cruise liners kien jirrikjedi deċiżjoni strateġika mill-Gvern.