Wednesday, July 24, 2024

GĦANDU JINŻAMM IS-SUSSIDJU FUQ IL-KONSUM TAL-ENERĠIJA

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Bank Ċentrali ppubblika r-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l- aħħar żviluppi ekonomiċi. Jirriżulta li matul it-tielet kwart tas-sena 2023, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. Jirriżulta li l-Prodott Gross Domestiku f’dan il-perjodu kiber b’7.1 fil-mija, li jfisser 1.2 fil-mija aktar mit-tkab- bir li kien irreġistrat fit-tieni kwart tal-2023 meta mqabbel ma’ sena qabel.

Meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, l-esportazzjoni kienet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li d-do- manda domestika kellha impatt marġinalment pożittiv.

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa’ ogħla mill-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea kompla tiela’ u qiegħed f’livell ogħla mill-medja storika. L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi.

Il-Bank Ċentrali juri wkoll kif il-pressjoni fuq iż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur kompliet tittaffa. Madankollu jirrimarka li l-inflazzjoni baqgħet għolja minn perspettiva storika u ’l fuq mill-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Statistika pożittiva pubblika mill-istess Bank Ċentrali hi dik li turi li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG u l-proporzjon tad-dejn fil-PDG naqsu meta mqabbla mat-tieni kwart tal-2023. Filwaqt li l-proporzjon tad-dejn ta’ Malta kien taħt il-medja taż-żona tal-Ewro, il-proporzjon tad-defiċit ta’ Malta kien viċin il-medja taż-żona tal-Ewro. Jirriżulta wkoll li t-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ukoll aktar mgħaġġel mill-medja taż-żona tal-Ewro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet aktar baxxa.

Hu pożittiv il-fatt li l-finanzi tal-Gvern kom- plew jissaħħu bi tnaqqis kemm fid-defiċit kif ukoll fid-dejn tal-Gvern. Fil-fatt, id-defiċit naqas bi ftit inqas minn 1 fil-mija għal 3.4 fil-mija fit-tie- let kwart tal-2023.

Fid-dawl li l-Gvern baqa’ jsostni lill-familji u jwieżen lin-negozji b’diversi miżuri, fosthom is-sussidji fl-prezzijiet tal-enerġija, id-dejn tal-Gvern xorta kompla jonqos anke jekk dan hu ferm inqas minn dak stipulat fl-obbligi li għandu pajjiżna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Dawn jistipulaw li d-dejn nazzjonali m’għandux jisboq is-sittin fil-mija.
Dawn ir-riżultati ekonomiċi huma pożittivi u juru li l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet għaddejja b’saħħitha. Juru wkoll li domanda domestika, l-infiq tal-pubbliku baqgħet waħda b’saħħitha.
Minkejja dan fuq pajjiżna għaddejja pressjoni u din mistennija tiżdied fix-xhur li ġejjin biex il-pajjiż ma jibqax jissussidja l-elettriku għall-familji u n-negozji. Din hi pressjoni li ġejja mill-istituzzjonijiet Ewropej. Il-pressjoni hi waħ- da ċara ħafna – dik li dan is-sussidju għandu jispiċċa.

M’hemm ebda dubju li l-awtoritajiet huma konxji ta’ kemm is-sussdiju fuq l-enerġija hu im- portanti. Nemmnu li l-awtoritajiet huma konxji tal-effett negattiv li jkun hemm fuq kategoriji sħaħ tas-soċjetà, li kieku jitneħħa s-sussidju.

Nemmnu li dan is-sussidju fuq l-enerġija għandu jinżamm. Malta m’għandhiex iċċedi għall-ebda pressjoni biex tneħħi dan is-sussidju. Nittamaw li ma jkunx hawn min f’pajjiżna, min forsi għal skuża u min għal oħra, jipprova jirkeb din il-mewġa u jingħaqad ma’ dawk li qegħdin jagħmlu pressjoni biex jitneħħa dan is-sussidju. Nemmnu li dan is-sussidju hu importantissimu kemm għall-konsumaturi u kemm għan-negozji. Hu sussidju li jagħti nifs. Sussidju li qed jgħin u jagħti nifs lil ħafna persuni vulnerabbli.

Irridu ngħidu wkoll li ma jfissirx li għax hemm is-sussidju fuq l-enerġija, wieħed għandu jab- buża u jiġi jaqa’ u jqum mill-konsum. Wieħed ma jridx jinsa li l-ħela li nistgħu naħlu bħala konsumaturi qiegħed iħallas għaliha l-Gvern u din hi spiża fuq l-istess gvern. Għalhekk waqt li nesiġu li l-Gvern għandu jżomm is-sussidju, ne- siġu wkoll li l-konsumatur jara li jkun effiċjenti fil-konsum u jnaqqas il-ħela.

Ekonomija

Sport