Tuesday, April 30, 2024

“Għandu jkun hemm aktar pieni ħorox għal min jaħqar l-annimali”

Il-koppja Dorian Cassar u Paul Camilleri jgħinu għaqda tal-annimali billi xtraw ikel tal-qtates minflok souvenirs għat-tieġ tagħhom

Mandy Cilia
Mandy Cilia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ftit tal-ġimgħat ilu koppja tellgħu post fuq il-midja soċjali fejn qalu li xtraw ikel tal-qtates u se jagħtuhom donazzjoni lil għaqda partikolari minflok souvenirs għall-ġurnata tat-tieġ tagħhom. 

Talk.mt iltaqa’ ma’ din il-koppja fejn spjegawlna aktar dwar l-idea tagħhom li bdiet minn ħsieb li jdawru l-okkażjoni tant speċjali f’ħajjithom f’xi ħaġa li sservi ta’ ġid għall-komunità.  

YouTube video

Dwar dan Dorian Cassar qalilna li “Aħna għedna, nixtiequ li l-imħabba li għandna għall-annimali f’din il-ġurnata tant speċjali għalina, insarrfuha wkoll anke f’xi ħaġa bħal din”. Huma qalulna li għażlu lill-għaqda CLAWS – Cat Lovers Adoptions, Welfare & Support, minn fejn kienu adottaw wieħed mill-qtates tagħhom.

Min-naħa tiegħu, Paul żied jgħid li: “Kienet l-aħjar ħaġa għaliex ħassejtni sodisfatt ħafna xħin morna tajnihom l-ikel u rajna l-qtates hemmhekk. Kont vera kuntent li qed nagħti l-ikel lil dawk il-qtates partikolari”.

Huma komplew jenfasizzaw li għandu jkun hemm aktar pieni ħorox għal min jaħqar l-annimali.

It-tnejn li huma spjegawlna wkoll dwar kemm din l-għaqda tagħmel ġid u faħħru lil dawn in-nies li b’mod volontarju jiddedikaw parti kbira minn ħajjithom kif ukoll flushom biex jieħdu ħsieb ’il fuq minn 500 qattus. Għalhekk permezz tal-post tagħhom fuq Facebook, jittamaw li nies oħrajn jagħmlu bħalhom u jgħinu lil dawn l-għaqdiet għaliex tassew jixirqilhom. Wieħed jista’ jgħin mhux biss f’donazzjonijiet iżda anka jekk jagħti ftit mill-ħin tiegħu u jmur jgħin b’mod volontarju.

Paul spjega kif din l-imħabba li għandu lejn il-qtates kienet ilha minn dejjem fih u bħalissa qed jaħsbu biex jadottaw  qattus ieħor biex jiżdied mat-tlieta li diġà għandhom.

Huma tkellmu wkoll dwar id-drittijiet tal-annimali. Dorian qalilna li l-parti l-kbira tan-nies jgħaddu minn fejn qattus ta’ barra, iħarsu lejh u ma jagħmlu xejn filwaqt li oħrajn jieqfu u jkellmuh. 

Sfortunatament ikun hemm ukoll dawk li jweġġgħuhom u dawn tal-aħħar l-aktar li jagħmlu ħoss. Huwa żied jgħid li:

“qabel kellna kwistjoni ta’ klieb jiġru barra. Illum rari tara minnhom. Qtates għadek tara ħafna minnhom”.

Dorian Cassar

Dorian jaħseb li bħal kull liġi, l-infurzar tibqa’ dejjem il-problema u anke f’dan il-każ fejn jidħlu d-drittijiet tal-annimali. Min-naħa l-oħra, Paul esprima l-opinjoni tiegħu li kull sid għandu jirreġistra kif ukoll jiċċippja l-annimal domestiku tiegħu biex anke f’każ li l-annimal jaħrab jew jiġi abbandunat, tkun aktar faċli li jinstab min kien sidu. 

“Għandu jkun hemm tip ta’ reġistru li jekk persuna inqabdet taħqar l-annimali, din mhux biss m’għandhiex titħalla trabbi aktar annimali iżda lanqas tkun qrib tagħhom”

Paul Camilleri

Huwa kompla jispejga kif barra minn Malta qtates li huma ta’ barra jitħallew jidħlu fil-ħwienet kif ukoll jaħsbulhom għall-ikel u sodod kważi f’kull stabbiliment mentri hawn Malta dawn l-affarijiet ma jsirux. 

Min-naħa l-oħra Dorian qal li tajjeb li jiġu msemmija dawk in-nies li jieħdu ħsieb lill-annimali li jgħixu barra fit-triq u li jagħmlu sagrifiċċji tant kbar għalihom. 

Sport