Skont il-kumpanija tal-farmaċewtika Vivian, għandu jkun hemm finanzjament nazzjonali ddedikat apposta sabiex jitjieb l-aċċess għal mediċini innovattivi kontra l-kanċer f’Malta, filwaqt li wissiet li f’Malta, il-pazjenti għadhom qed jiffaċċjaw dewmien sinifikanti biex jaċċessaw trattamenti li huma disponibbli b’mod mifrux f’pajjiżi oħra Ewropej.
Bejn l-1995 u l-2024, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini approvat 194 mediċina ġdida kontra l-kanċer. Dawn l-approvazzjonijiet komplew jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin għal medja ta’ 14-il mediċina ġdida fis-sena bejn l-2021 u l-2024.
Filwaqt li xi pajjiżi Ewropej jirrimborżaw il-maġġoranza tat-terapiji approvati fi żmien xhur, bħall-Ġermanja, pereżempju, li tipprovdi aċċess għal dawn il-mediċini fi żmien madwar 100 jum, Malta għadha lura. Fil-bidu tal-2024, l-ebda waħda mill-mediċini kontra l-kanċer approvati bejn l-2019 u l-2022 ma kienet għadha saret disponibbli permezz tas-sistema nazzjonali.
Għalkemm Malta kisbet riżultati b’saħħithom fir-rigward tas-sopravivenza mill-kanċer permezz ta’ programmi effettivi ta’ screening, dijanjosi mgħaġġla, servizzi radjoloġiċi ta’ kwalità għolja u timijiet multidixxiplinari tal-kura, l-aċċess għal trattamenti innovattivi fl-onkoloġija għadu limitat, b’madwar 16% biss mit-terapiji disponibbli bħalissa aċċessibbli fuq il-formularju nazzjonali.
Dan it-tħassib ġie enfasizzat ukoll fl-Istrateġija Nazzjonali tas-Sistemi tas-Saħħa għal Malta 2023–2033, ippubblikata fl-2024, li nnotat li minkejja żidiet kostanti fl-infiq fuq is-saħħa, Malta tinsab taħt il-medja f’diversi indikaturi ewlenin.
Dawn l-indikaturi jinkludu l-infiq fuq is-saħħa għal kull persuna, l-infiq tal-gvern fuq is-saħħa bħala sehem mill-infiq totali fuq is-saħħa, u n-nefqa pubblika fuq il-mediċini, kif ukoll tnaqqis fis-sehem tal-baġit tas-saħħa allokat għas-saħħa pubblika u għall-mediċini out-patient.
“Hemm diskrepanza persistenti bejn il-mediċini disponibbli fl-Ewropa u dawk aċċessibbli f’Malta, fejn ħafna trattamenti li jsalvaw il-ħajja għadhom qed jgħaddu mill-Malta Community Chest Fund. Għas-settur farmaċewtiku lokali u internazzjonali, din tibqa’ anomalija strutturali sinifikanti,” tispjega Corinne Zaffarese Elbourne, Regulatory Affairs, Quality and Market Access Manager ta’ Vivian.
F’dan il-kuntest, Vivian nediet PATH Promoting Access to Treatments & Healthcare, think tank strateġiku maħsub sabiex jidentifika l-ostakli għall-aċċess fil-ħin tal-pazjenti għal mediċini innovattivi kontra l-kanċer u biex jipproponi soluzzjonijiet ta’ politika prattika u bbażati fuq l-evidenza.
PATH huwa magħmul mill-ogħla tmexxija ta’ Vivian flimkien ma’ sħab internazzjonali fl-industrija u stakeholders ewlenin oħra. Permezz ta’ l-għarfien regolatorju, it-tmexxija strateġika u l-esperjenza fl-aċċess għas-suq, PATH se jkun qed jirrevedi żviluppi nazzjonali u Ewropej relatati mal-aċċess għat-trattament u mal-politika tas-saħħa sabiex jikkontribwixxi proposti mmirati biex isaħħu l-qafas li jappoġġa aċċess aktar bikri u aktar prevedibbli għal terapiji innovattivi fl-onkoloġija.
Fil-qalba ta’ dan hemm il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament iddedikat għal mediċini innovattivi.
“Dak li qed nipproponu huwa li persentaġġ tal-GDP ta’ Malta jiġi allokat b’mod speċifiku għall-mediċini innovattivi sabiex trattamenti ġodda kontra l-kanċer jiddaħħlu fil-Formularju Nazzjonali aktar malajr, b’mod strutturat u prevedibbli,” spjegat Corinne Zaffarese Elbourne.
B’referenza għal artiklu ta’ opinjoni riċenti tal-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela, li fih iddeskriva l-proċess biex mediċini jiddaħħlu fil-formularju nazzjonali bħala wieħed intrinsikament kumpless, is-Sinjura Zaffarese Elbourne qalet: “Il-Ministru għandu raġun li l-proċess huwa kumpless. Iżda l-kumplessità ma tistax tiġġustifika inċertezza fit-tul. Dak li jeħtieġu l-kumpaniji u l-pazjenti huwa trasparenza, kontabbiltà u osservanza tal-iskadenzi stabbiliti.”
Hija nnutat li l-kumpaniji farmaċewtiċi ta’ spiss jippreżentaw applikazzjonijiet biex mediċini jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Government Formulary List u mbagħad jistennew snin mingħajr ma jirċievu feedback formali dwar l-applikazzjonijiet tagħhom.
“Dan iqajjem mistoqsijiet importanti. X’jiġri wara l-Health Technology Assessment li jitwettaq mid-Direttorat tal-Affarijiet Farmaċewtiċi? Il-kumitati responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġifieri l-Government Formulary List Advisory Committee u l-Advisory Committee on Health Care Benefits, jiltaqgħu regolarment biex jirrevedu dawn l-applikazzjonijiet? Jekk le, għaliex le?” hija sostniet.
“Jekk id-dewmien ġej minn restrizzjonijiet baġitarji, dan għandu jiġi kkomunikat b’mod miftuħ sabiex flimkien, inkunu nistgħu nesploraw is-soluzzjonijiet possibbli.”
“Fil-preżent jidher li hemm viżibbiltà limitata dwar jekk id-deċiżjonijiet humiex qed jieqfu fl-istadju tal-evalwazzjoni, fil-livell tal-kumitat jew minħabba kunsiderazzjonijiet finanzjarji.”
Zaffarese Elbourne qajmet ukoll mistoqsijiet dwar jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament attwali, li jalloka aktar minn €40 miljun lil The Community Chest Fund biex jappoġġa t-trattament tal-pazjenti, huwiex qed jagħti l-aħjar valur lill-pazjenti.
“Filwaqt li inizjattivi bħal dawn isalvaw il-ħajja, organizzazzjonijiet karitatevoli mhumiex eżattament f’pożizzjoni biex iwettqu negozjati strutturati dwar il-prezzijiet mal-kumpaniji farmaċewtiċi, u lanqas jagħmlu parti mill-qafas tal-formularju nazzjonali. Jekk ikun hemm mekkaniżmi strutturati ta’ akkwist u negozjar fi ħdan is-sistema nazzjonali tas-saħħa, il-potenzjal li jinkiseb iżjed valur ikun ferm akbar.”
“F’termini sempliċi, l-istess €40 miljun li bħalissa jistgħu jiffinanzjaw it-trattament ta’ numru limitat ta’ pazjenti jistgħu, permezz ta’ negozjar b’saħħtu u strateġiji effettivi ta’ akkwist, jippermettu li ħafna aktar pazjenti jirċievu l-istess trattamenti u b’hekk jiġi mmassimizzat il-benefiċċju għall-pazjenti Maltin u jiġi żgurat valur ferm akbar mill-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa.”
Din il-kwistjoni, fl-aħħar mill-aħħar mhijiex sempliċement il-kumplessità tal-proċess iżda jekk il-qafas legali eżistenti hux qed jiġi rispettat.
Fil-qalba ta’ dan il-qafas hemm l-hekk imsejħa “180-day rule”, li ġiet introdotta biex tipprevjeni dewmien fit-tul fid-deċiżjonijiet dwar ir-rimborż. Din ir-regola tifforma parti mir-Regolamenti dwar id-Disponibbiltà ta’ Prodotti Mediċinali fi ħdan is-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern (SL 458.31), li jistabbilixxu proċeduri u skadenzi għall-inklużjoni, l-ipprezzar, iż-żieda jew it-tneħħija ta’ prodotti mediċinali mill-Lista tal-Formularju tal-Gvern.
“Permezz ta’ PATH, mhux biss qed nidentifikaw il-lakuni iżda qed nippruvaw nagħlquhom,” qalet Zaffarese Elbourne. “L-għan tagħna huwa li niżguraw aċċess ġust u fil-ħin għal mediċini innovattivi irrispettivament mid-daqs tas-suq, filwaqt li nikkontribwixxu b’mod kostruttiv għad-diskussjonijiet nazzjonali dwar il-politika.”
“Il-leġiżlazzjoni waħedha ma tistax tiggarantixxi aċċess ekwu. Din trid tiġi implimentata permezz ta’ azzjoni dixxiplinata u kollaborattiva li tiżgura li l-pazjenti jibbenefikaw mhux biss minn dijanjostika ta’ klassi dinjija, iżda wkoll minn aċċess fil-ħin għall-aktar trattamenti avvanzati.”
L-iżgurar ta’ aċċess ekwu għat-trattament ilu għal żmien twil parti mill-missjoni ta’ Vivian. Dan l-impenn kompla jissaħħaħ is-sena li għaddiet meta l-kumpanija kienet waħda mill-kumpanija li rratifikat il-Malta Diversity & Inclusion Charter.

