Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi dwar il-każ fejn kienet tpoġġa splussiv quddiem il-Ċentru Nazzjonali Laburista, sar magħruf li l-akkużat David Brincat għandu l-awtiżmu, ibati minn personality disorder u qiegħed fi stat ta’ psikożi.
Dan intqal f’rapport li ġie ppreżentat il-Qorti li sar minn tliet psikjatri li ġew maħturin mill-Qorti. Huma qalu li l-eżami li twettaq fuq Brincat ikopri mit-twelid tiegħu sakemm kien rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli.
Fix-xhieda tagħha Dr Rachel Taylor East qalet li Brincat instab pożittiv għall-methadone waqt l-akkadut. Xehdet ukoll li s-sustanza tista’ twassal għal psikożi. Hi qalet ukoll li Brincat huwa suxxettibbli għall-psikożi anke jekk ma jikkunsmax id-droga.
Min-naħa tiegħu l-prikjatra Dr Nigel Camilleri xehed li meta tkellem mal-akkużat li għandu 18-il sena qallu li kien jipproduċi d-droga għalih innifsu fil-garaxx tad-dar. It-tliet psikjatri ddikjaraw li dakinhar tal-arrest David Brincat kien fi stat ta’ ġenn.
Il-Qorti qalet li r-rapport tal-esperti jindika b’mod ċar li ż-żagħżugħ kien fi stat ta’ ġenn waqt l-allegat reat u għalhekk ordnat li jinżamm taħt kustodja fl-Isptar Monte Carmeli biex jingħata l-kura neċessarja.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lydon Zammit u Wayne Camilleri flimkien mal-Avukat Kaylee Bonett u Joseph Azouref. Għaż-żagħżugħ qed jidhru l-Avukati Lara Clarks u Nicholas Mifsud.