F’Summit tal-Unjoni Ewropea u tal-Balkani tal-Punent fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela appella għall-għaqda fil-kontinent Ewropew favur stabbiltà u prosperità għaċ-ċittadini kollha li jgħixu fih.
Waqt dan is-summit annwali, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn ta’ Malta biex tissaħħaħ is-sħubija u l-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u enfasizza l-importanza tal-għaqda fi żminijiet ta’ sfidi komuni għar-reżiljenza tal-kontinent Ewropew. Dr Abela innota l-progress pożittiv u l-isforzi riċenti li qed iqarrbu lil dan ir-reġjun viċin l-Unjoni Ewropea, u saħaq fuq l-irwol kruċjali tal-konsistenza fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi li jġibu benefiċċji liċ-ċittadini madwar il-kontinent u l-iżvilupp ekonomiku li jħalli l-ġid fost il-familji.
Fost dawn is-suċċessi, il-Prim Ministru semma l-ftehim “roam like at home” fil-Balkani tal-Punent bħala eżempju konkret ta’ kif il-koperazzjoni strateġika twassal għal riżultati sinifikanti li jinħassu miċ-ċittadini. Huwa nnota li dawn il-kisbiet huma xhieda ta’ dak li jista’ jintlaħaq permezz ta’ djalogu persistenti u viżjoni komuni. Waqt id-diskussjoni, il-Prim Ministru faħħar ukoll il-kollaborazzjoni li għaddejja biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva kontra theddid ċibernetiku u ibridu, sfidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri u li jeħtieġu rispons Ewropew ikkordinat.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll fuq l-importanza li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu solvuti tilwimiet bilaterali u tissaħħaħ ir-rikonċiljazzjoni reġjonali, sabiex ikompli jinbena futur stabbli bbażat fuq rispett reċiproku u relazzjonijiet ta’ ġirien tajba. Filwaqt li reġa’ afferma l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għall-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru ddeskrivieh bħala imperattiv ġeopolitiku essenzjali għas-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa li għandu jkun mibni fuq il-valuri Ewropej tad-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-saltna tad-dritt, li jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta fil-vjaġġ ta’ adeżjoni ta’ dawn il-pajjiżi u qal li pajjiżna jħares ’il quddiem għal aktar koperazzjoni u progress fis-sena li ġejja.

