Saturday, February 21, 2026

Għaqdiet volontarji b’87 proġett ġdid fil-komunità

Aqra wkoll

Tqassmu b’miljun ewro f’fondi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), lil numru ta’ għaqdiet volontarji biex jitwettqu 87 proġett ġdid fil-komunità. Dan wara proċess kompetittiv miftuħ għall-għaqdiet reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li huma eliġibbli għall-iskemi Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u Small Initiatives Scheme (SIS). Sa mit-twaqqif tagħhom, dawn l-iskemi, ġew implimentati ’l fuq minn 930 proġett b’fondi totali ta’ €9.7 miljun.

L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza taċ-Chairperson tal-MCVS Gertude Buttigieg u l-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo.


Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif  “Dan l-investiment ta’ miljun ewro huwa xhieda ċara tal-viżjoni tagħna bħala Gvern li npoġġu lill-komunità fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Il-volontarjat mhuwiex biss att ta’ ġenerożità, iżda pilastru fundamentali ta’ soċjetà ġusta u inklussiva. Permezz tal-ħidma tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qed nassiguraw li r-riżorsi pubbliċi jaslu għand dawk li verament jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.”

“Dawn il-fondi mhux biss qed isaħħu lill-għaqdiet volontarji, iżda qed jinvestu direttament fil-familji, fiż-żgħażagħ, fl-anzjani u f’dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Aħna nemmnu f’Malta fejn ħadd ma jitħalla lura, u fejn il-komunitajiet tagħna jingħataw l-għodda u l-appoġġ biex ikomplu jinnovaw u jirrispondu għall-isfidi tal-lum. Il-fatt li sa issa ġew implimentati aktar minn 930 proġett b’investiment ta’ kważi €10 miljun juri b’mod konkret ir-rieda politika tagħna li nkomplu nsaħħu dan is-settur. Se nibqgħu naħdmu biex noħolqu aktar opportunitajiet, aktar trasparenza u aktar sostenibbiltà għall-għaqdiet volontarji, għax nemmnu li komunità b’saħħitha tibda minn settur volontarju b’saħħtu,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.

​Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo, qal “Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw, sena wara l-oħra, proġetti ġodda li ser ikunu qed jinbtu f’kommunitajiet differenti, ilkoll bl-intenzjoni li jagħmlu l-ġid fl-oqsma differenti li s-settur volontarju jopera fihom.”


Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Anthony Gatt u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport