Sunday, November 24, 2024

Għaqdiet volontarji u kunsilli lokali jibbenefikaw minn fondi Ewropej għall-proġetti fix-Xlokk ta’ Malta

Aqra wkoll

€175,000 se jitqassmu bejn 11-il għaqda volontarja u 2 kunsilli lokali biex iwettqu proġetti fil-komunitajiet lokali permezz tal-Programm LEADER. L-għan prinċipali ta’ dawn il-proġetti huwa li tingħata aktar importanza lill-identità rurali u kulturali tax-Xlokk ta’ Malta u jiġu pprovduti opportunitajiet sabiex titjib il-kwalità tal-ħajja.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett kien preżenti għall-iffirmar bejn il-Fondazzjoni GAL Xlokk u l-benefiċjarji.

Fost il-proġetti li se jwettqu hemm proġetti ta’ restawr, xiri t’instrumenti tal-mużika, apparat edukattiv sabiex jintuża mill-għaqdiet għat-tfal u ż-żgħażagħ, rinnovar ta’ swali, kif ukoll investimenti innovattivi fit-teknoloġija sabiex tingħata aktar promozzjoni lil-lokalitajiet.

Matul l-aħħar ħames snin, il-GAL Xlokk amministra s-somma ta’ ftit aktar minn €2.2 miljun ta’ fondi Ewropej taħt il-programm ta’ żvilupp rurali. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed joħroġ skemi oħrajn sabiex ikunu jistgħu jitgawdew fil-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett tkellem dwar l-importanza ta’ dawn il-fondi li se jwasslu għal iktar investiment fis-settur kulturali u soċjali. “Huwa ta’ sodisfazzjoni li nara aktar għaqdiet volontarji u kunsilli lokali jibbenefikaw minn aktar fondi Ewropej biex ikomplu jinvestu fil-komunitajiet lokali, fit-tradizzjonijiet tagħna u jsaħħu l-element kulturali f’pajjiżna,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bonett.

Il-Manager ta’ Fondazzjoni GAL Xlokk Terence Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon li fl-aħħar snin raw aktar kunsilli lokali, għaqdiet volontarji u individwi jibbenefikaw mill-programm LEADER, bl-interess f’dan il-programm qed dejjem jikber. Qal li l-Fondazzjoni qed tħares lejn konsultazzjoni pubblika fix-xhur li ġejjin sabiex jinħarġu miżuri varji tal-programm LEADER li huwa parti mill-istrateġija ta’ żvilupp lokali taħt il-Pjan Strateġiku ta’ Politika Agrikola Komuni għas-snin li ġej.

Sport