Wednesday, July 30, 2025

Għargħar fiċ-Ċina joqtol 30 persuna f’sajf ta’ temp estrem

Aqra wkoll

Filwaqt li l-kontinent Ewropew fil-jiem li għaddew iffaċċja mewġiet ta’ sħana kbira tant li xi żoni, bħal fil-Greċja u t-Turkija inħakmu min-nirien intensi, fin-naħa l-oħra tad-dinja, fiċ-Ċina għargħar kbar li għamlu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet qatlu mill-inqas 30 persuna. Tmien persuni oħra mietu wara valanga nhar it-Tnejn fil-belt ta’ Chengde, madwar tliet sigħat lejn il-Grigal ta’ Beijing.

Minbarra t-30 persuna li mietu fil-kapitali Ċniża Beijing, aktar minn 80,000 ġew evakwati hekk kif xita qawwija u għargħar qerdu t-toroq u d-djar fit-Tramuntana taċ-Ċina.

Iċ-Ċina qed tiffaċċja sajf ta’ temp estrem. Mewġ ta’ sħana rekord laqat ir-reġjun tal-Lvant tal-pajjiż aktar kmieni dan ix-xahar filwaqt li għargħar ħakem il-Lbiċ tal-pajjiż.

Fl-isfond tal-għargħar massiv fit-Tramuntana taċ-Ċina, il-President Xi Jinping appella għall-isforzi kollha ta’ salvataġġ u qal lill-awtoritajiet biex jippreparaw għal “xenarji estremi”.

L-awtoritajiet Ċniżi allokaw 200 miljun wan għal sforzi ta’ rkupru, inkluż it-tiswijiet tat-trasport u infrastruttura oħra. Dan is-sajf, l-għargħar ikkawża kaos f’diversi partijiet oħra miċ-Ċina. Il-periferija ta’ Beijing, inklużi d-distretti suburbani ta’ Miyun u Huairou, intlaqtu l-agħar mix-xita qalila li niżlet.

L-għargħar kisser għexieren ta’ toroq u qata’ l-provvista tal-elettriku għal aktar minn 130 raħal. Filmati juru membri tas-salvataġġ jimxu f’ilmijiet tal-għargħar fondi sa sidirhom biex jilħqu lir-residenti, kif ukoll ħelikopters u drones li jġorru ikel u għajnuna oħra lejn iż-żona tad-diżastru.

F’Beijing l-għargħar mhux xi ħaġa rari, partikolarment f’dan iż-żmien tas-sena. Wieħed mill-aktar għargħar qattiela fl-istorja riċenti seħħ f’Lulju 2012, meta 190mm ta’ xita niżlu fuq il-belt f’ġurnata waħda, u qatlu 79 persuna.

Żewġ persuni nqatlu u 10 persuni sparixxew fil-provinċja ta’ Shandong aktar kmieni dan ix-xahar meta t-Tifun Wipha laqat il-Lvant taċ-Ċina. Ġmgħatejn qabel, valanga qatlet tliet persuni fil-belt ta’ Ya’an, fil-Lbiċ taċ-Ċina.

Temp estrem, li l-esperti jorbtu mat-tibdil fil-klima, qed jhedded dejjem aktar lir-residenti u l-ekonomija taċ-Ċina speċjalment lis-settur agrikolu tagħha ta’ triljun dollaru.

Id-diżastri naturali fl-ewwel nofs tas-sena swew liċ-Ċina 54.11 biljun wan, madwar $7.5 biljun innota l-ministeru għall-immaniġġjar tal-emerġenzi aktar kmieni dan ix-xahar li qal ukoll li l-għargħar kien responsabbli għal aktar minn 90% tat-telf. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport