Mara ta’ 27 sena nqatlet b’tiri fil-jum tat-tieġ tagħha stess f’raħal qrib il-belt ta’ Avignon fix-Xlokk ta’ Franza wara li rġiel armati b’maskri fetħu n-nar u sparaw fuq il-koppja. L-għarus u tifel ta’ 13-il sena ndarbu serjament waqt l-inċident fir-raħal ta’ Goult. Wieħed mill-allegati aggressuri nqatel ukoll fi skambju ta’ sparaturi.
L-awtoritajiet fetħu investigazzjoni dwar qtil u attentat ta’ qtil u għaldaqstant għaddejja tfittxija minn numru ta’ uffiċjali tal-pulizija u ħelikopter għal numru mhux magħruf ta’ suspettati li rnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post wara l-isparatura.
Il-midja Franċiża irrapportat li l-vjolenza tista’ tkun marbuta ma’ ftehim ta’ kontijiet u traffikar relatat mad-droga.
L-aggressjoni u l-qtil tal-għarusa seħħew għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar ta’ nhar il-Ħadd. L-għarusa, ta’ 27 sena, u l-għarus, ta’ 25 sena, kienu qed jitilqu mis-sala tal-festa tat-tieġ meta aggressuri mhux identifikati fetħu n-nar fuqhom, irrapportat l-aġenzija tal-aħbarijiet AFP.
L-ewwel rapporti qalu li wieħed mill-aggressuri nqatel wara li ntlaqat mill-karozza tal-koppja iżda l-prosekutur ta’ Avignon Florence Galtier irreferiet għas-suspettat bħala li nqatel fl-iskambju tal-isparar.
L-aggressuri, li waslu fuq il-post b’karozza, ħarbu bil-mixi wara l-isparatura skont ma qalet il-pulizija li żvelat ukoll li 28 persuna kienu preżenti fis-sala fil-ħin tal-attakk. Mara minnhom indarbet ħafif fl-inċident.
Wara dan l-inċident, sid ta’ ristorant ta’ 50 sena, qal li jibża’ li l-attakk fatali se jagħti isem ħażin lir-raħal li fih jgħixu madwar 1,000 resident. L-aħħar inċident kbir li sar fir-raħal ta’ Goult kien 125 sena ilu.