Tuesday, October 21, 2025

“Għattejt b’kutra lil Anthony għax kien hemm kelb ħdejh u tħassartu”

- Id-Durga qal dan lill-Pulizija meta kien qed jiġi interrogat

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Carmelo Ciantar magħruf bħala “d-Durga” mixli bi qtil tat-tifel tas-sieħba tiegħu Dennis Mifsud u ta’ Anthony Agius ir-raġel tat-tifla tas-sieħba tiegħu. 

L-ewwel xhud tas-seduta kien Matthew Grima l-espert forensiku. Xehed li hu analizza kampjuni ta’ ‘gun shot residue’ meħudin minn fuq l-akkużat u l-karozza tiegħu.

Grima qal li r-riżultati kkonfermaw li minn fuq Carmelo Ciantar ġew elevati 67 partiċella ta’ ‘gun shot residue’, mill-id leminija, sidru, jeans, mill-bwiet. Spjega li minn fuq il-karozza wkoll ġew elevati ‘gun shot residue’.

Xehed ukoll l-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra Kontra l-Omċidji. Qal li dakinhar tal-omiċidju hu kien mar fuq il-post għall-ħabta tas-7.20pm u meta wasal iż-żona kienet diġà priżervata.

Kompla jispjega li kien ġie nformat minn kienu l-vittmi u li nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar. L-Ispettur xehed li hu kien ġie informat minn xi qraba tal-vittmi li kienu rċevew telefonati mingħand Carmelo Ciantar u għalhekk dak il-ħin kien is-suspettat tal-qtil.

Xehed li l-qraba kienu ixxukkjati u meta semmew lil Carmelo Ciantar qalu wkoll li kien hemm diżgwid fuq xi art. Spjega li ftit wara t-8.00pm l-mobile ta’ Ciantar immarka li kien qrib in-Naxxar. 

Hawn l-Ispettur qal li kien l-Ispettur Kurt Zahra li kien qed jikkomunika mal-akkużat u f’ħin minnhom immarka li kien fil-parkeġġ ta’ kumpless tax-xiri fil-Mosta. L-Ispettur Camilleri qal li meta wasal fuq il-post ra li l-pulizija kienu arrestawh. 

Skont ix-xhieda tal-Ispettur Camilleri, Carmelo Ciantar “id-Durga” kien qallhom li kien mar jiekol KFC u wara kellu f’moħħu li jimxi lejn il-karozza tiegħu fejn kellu l-arma u jispara lilu nnifsu hemmhekk stess. 

Ix-xhud kompla jispjega li kienu waslu l-membri tal-forensika u l-vettura ġiet issiġġillata fuq il-post anke minħabba li kien hemm arma ikkargata u fil-post kien hemm ħafna nies. 

Waqt ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur qal li d-Durga kien qallhom biex joqgħodu attenti għax kellu suspett li kellu l-Covid… fil-fatt aktar tard kien saru t-test u kien irriżulta pożittiv għal dan il-vajrus.

Kompla jixhed li wara li ttieħed fil-lockup, l-imputat dejjem ikkopera mal-pulizija. Aktar tard hu kien ittieħed fejn kien hemm il-karozza issiġġillata u nfetħet fejn instabet l-arma, shotgun imgeżwra ġo kutra. 

Min-naħa tiegħu Dr Mario Scerri li eżamina lill-imputat ikkonferma li ma kienx hemm periklu li seta’ jweġġa’ lilu nnifsu.

Meta ġie biex jixhed dwar dak li nstab fl-awtopsja, l-Ispettur Camilleri qal li Dennis Mifsud kellu tir wieħed f’rasu waqt li Anthony Agius kellu 3 tiri, tnejn f’sidru u wieħed f’rasu.

Xehed li t-tiri kollha kienu juru li ġew sparati mill-qtil. 

Xehed li waqt l-interrogazzjoni li bdiet l-għada filgħodu l-imputat kien wieġeb kważi għal kull mistoqsija qal li l-vittmi kienu qraba tas-sieħba tiegħu Agnes, ikkonferma telefonata fejn lil Agnes qallha ‘qtiltomlok il-fniek’.

Fl-interrogazzjoni Ciantar kien qal lill-pulizija li dakinhar tad-detlitt filgħodu hu kellu argument mas-sieħba tiegħu minħabba li fl-opunjoni tiegħu kienet taqbeż ħafna għall-qraba tagħha

Dwar l-art, li kienet t’Agnes, biċċa minnha kien jużaha hu. Qal li għamel ġurnata fl-għalqa bl-arma miegħu u l-ewwel wieħed li tfaċċa kien Dennis Mifsud u qallhom ‘Dennis lanqas jaf x’laqtu’ għax sparalu tir ġo rasu. Ciantar kompla jgħid lill-Pulizija li baqa’ fil-post u siegħa u nofs wara tfaċċa Anthony Agius u malli niżel mill-karozza tah 3 tiri.

Waqt l-istess interogazzjoni qal li hekk kif qatel lil Anthony kien għattih b’kutra għax kien hemm kelb u beda jitħassar lill-kelb. 

Meta imbagħad taqsewh x’kien jagħmel kieku tfaċċaw aktar qraba, hu qallhom li probabbli kien jisparalhom ukoll. Waqt l-interrogazzjoni l-imputat kien ġie mistoqsi wkoll dwar nirien li kien hemm fiż-żona u ikkonferma li ħaraq l-parti li kien juża hu bil-ħsieb ikun li la ma setax igawdiha hu ma jgawdiha ħadd. 

Id-difiża qed titmexxa mill-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport