“Għawdex għandu l-potenzjal li jkompli jevolvi l-governanza tiegħu, l-aktar permezz ta’ responsabiltajiet akbar lill-Kunsill Reġjonali Għawdex, f’kordinament sħiħ mal-Ministeru ta’ Għawdex.” Dan huwa l-aktar punt importanti għall-Professur tas-Soċjoloġija, Godfrey Baldacchino li ħareġ mir-rapport tiegħu “Gozo’s Regionality: Exploring Autonomy Options for Gozo within the State of Malta”. Ir-rapport, li ġie kkummissjonat mill-Awtorità Għawdxija għal-Iżvilupp Regionali (GRDA), sar apposta biex jifli mudelli ta’ governanza għal Għawdex, fuq bażi ta’ stħarriġ internazzjonali.
F’intervista ma’ IT-TORĊA Profs. Baldacchino elbora kif mill-2023, Għawdex (ma’ Kemmuna) sar uffiċjalment reġjun. Minn informazzjoni li tana, “Għawdex fil-fatt huwa l-uniku reġjun organiku fil-gżejjer Maltin: il-ħamsa l-oħra, bir-rispett kollu, ġew ivvintati u maħluqa mil-Parlament. Għawdex huwa wkoll djoċesi (sa mil-1864) kif ukoll distrett elettorali mħares unikament bil-Kostituzzjoni (sa mil-2007)”.
Importanti li nħarsu lejn il-pass li jmiss
Profs. Baldacchino spjega “issa li Għawdex huwa uffiċjalment reġjun, importanti li nħarsu lejn il-pass li jmiss. Diversi korpi kostitwiti Għawdxin jitkellmu fuq devoluzzjoni u din tista’ ssir pass pass. Dan anke biex titrawwem fiduċja u jintgħebu l-intoppi li żgur se jinqalgħu”.
Mistoqsi dwar jekk issa li sar ir-rapport, dan huwiex se jwassal għal xi tip ta’ tibdil, huwa qal li, “le, m’inix fiduċjuż. Sinċerament, ma nara ebda partit politiku akkanit u kuraġġuż biżżejjed biex jiżblokka s-sitwazzjoni attwali. (Anke l-kunsilli lokali raw ħafna poteri tagħhom jitnaqqsu matul is-snin). Sakemm ma jkunx hemm pressjoni sostnuta minn Għawdxin favur bidla u l-partiti jkollhom moħħom mistrieħ li l-poter tagħhom mhuwiex mittiefes jew mhedded, allura ma narax żblokk”.
Żied li Malta wirtet sistema ta’ kmand u governanza ċentralizzata mill-Imperu Ingliż. “Dan kien jagħmel sens meta konna kolonja u fortizza. Imma, issa suppost imxejna ‘l quddiem: la aħna waħda u lanqas l-oħra. Wasal iż-żmien li tassew nippruvaw inwettqu fis-seħħ id-devoluzzjoni ta’ poter mill-Belt Valletta u Għawdex, gżira djoċesi, distrett u reġjun, huwa l-aħjar post fejn dan l-istil ta’ governanza jista’ jitwettaq,” temm b’nota fiduċjuża l-Professur Godfrey Baldacchino