Monday, March 24, 2025

GĦAWDEX B’POTENZJAL TA’ DESTINAZZJONI TURISTIKA EĊĊELLENTI

Aqra wkoll

Għawdex qiegħed ikompli jikber u jissaħħaħ bħala destinazzjoni turistika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin. Fil-fatt, l-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer baqa’ jirreġistra riżultati mill-aktar pożittivi. Dan rajnieh fil-perjodu tal-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-sena, aktar riċenti fil-jiem tal-Karnival u l-istess nistennew ukoll fi żmien il-Għid.

Dan minnu nnifsu huwa riflessjoni li Għawdex, kulma jmur, qed itejjeb is-servizzi li qed joffri fil-qasam turistiku, speċjalment fil-qasam tal-akkomodazzjoni u l-catering. Hi prova oħra illi l-Maltin għandhom il-flus f’buthom biex iqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ f’Għawdex, ftit ’il bogħod mix-xogħol u mir-rutina ta’ kuljum. 

Dan kollu jikkonferma illi l-investiment li qed isir, anke f’dak li huwa reklamar, qiegħed iħalli l-frott mixtieq. Tant hu hekk, illi riċentament Għawdex kien fiċ-ċentru ta’ attività fl-ikbar fiera tat-turiżmu fid-dinja f’Berlin. B’din il-gżira tkun reklamata bħala destinazzjoni turistika b’mod distinta minn Malta. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, mhijiex sorpriża wkoll li l-gżira Għawdxija hi r-Reġjun tal-Kultura 2025 – inizjattiva fejn qiegħed joħroġ aktar fid-deher il-wirt kulturali uniku li huwa mogħni bih dan ir-reġjun. Dan qed isir bi programm ta’ avvenimenti u attivitajiet fil-komunità b’kollaborazzjoni ma’ diversi stakeholders fis-settur. 

L-importanza ta’ Għawdex fl-ekonomija nazzjonali kienet rinoxxuta wkoll fil-Budget għal din is-sena, fejn in-nefqa għal Għawdex din is-sena se tkun laħqet it-€93 miljun. 

L-enfasi issa qiegħda tkun mhux biss fuq it-tisħiħ tat-turiżmu, li qiegħed isir, imma wkoll illi jkunu attirati aktar turisti ta’ kwalità. Hawn naqblu ma’ dak li stqarr l-ekonomista Silvan Mifsud, meta f’kummenti ma’ dan il-ġurnal irrimarka li meta l-pajjiż jirnexxilu jiġbed lejh turisti ta’ kwalità, se jkun qiegħed igawdi Għawdex ukoll. 

Għalhekk, b’dan kollu f’moħħna, ninsabu ottimisti li għaż-żmien li ġej, Għawdex se jkompli jiddiversifika fis-sbuħija naturali u unika tiegħu biex verament jibqa’ jkun il-ġawhra f’nofs il-Mediterran. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport