Monday, April 21, 2025

“Għawdex diġà joffri l-kwalità… issa kemm nagħrfu nużaw dik il-kwalità biex niġbdu turisti ta’ kwalità”-  Joe Muscat, Kap Eżekuttiv – GTA

Aqra wkoll

 

“Għawdex diġà qiegħed joffri l-kwalità… issa kemm nagħrfu nużaw dik il-kwalità biex niġbdu turisti ta’ kwalità.” Hekk stqarr magħna Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu. 

Muscat beda biex jgħid li Għawdex diġà għandu ħafna niċeċ li qiegħed joffri u ħafna drabi dawn huma ta’ kwalità ferm aktar għolja minn dik ta’ Malta. Semma fost l-oħrajn l-industrija tal-għadis fejn qal li d-dilettanti ta’ dan id-delizzju jagħżlu lil Għawdex bħala destinazzjoni, għaliex il-Gżira toffri siti spettakolari taħt qiegħ il-baħar.

Jistqarr magħna li meta nitkellmu fuq turisti ta’ kwalità mhux qegħdin ngħidu kemm dawn biss lesti jonfqu f’pajjiżna, iżda l-mistoqsija magħna nfusna għandha tkun aħna bħala Għawdex xi kwalità qed noffru aħna biex niġbdu dan it-tip ta’ turiżmu.

Tkellem ukoll dwar esperjenza li kellu fl-aħħar ġimgħat meta kien qiegħed jattendi fiera tat-Turiżmu f’Berlin fil-Ġermanja li matulha Għawdex ġie promoss bħala destinazzjoni turistika distinta u kien hemm ukoll laqgħat u negozjati ma’ operaturi li jġibu turisti f’pajjiżna.

“Meta kont Berlin fl-aħħar ġimgħat fost il-ħafna laqgħat li kelli ltqajt ma’ operatur li jorganizza tours b’rabta mal-mużika. Staqsieni jekk f’Għawdex għandniex attivitajiet marbutin mal-mużika… u xħin bdejt insemmilu l-attivitajiet mużikali li jkollna matul is-sena jien stess bqajt mistagħġeb kemm għandna x’noffru f’Għawdex,” qal Muscat.

Isemmi fost l-oħrajn l-opri li jsiru miż-żewġ teatri fir-Rabat Għawdex u kunċerti mużikali li kważi kull tmiem il-ġimgħa jkun hawn.

“Dawn huma affarijiet li aħna nistgħu noffru. Min jiġi sabiex jesperjenza attività ta’ natura mużikali ħafna drabi jkunu turisti ta’ kwalità. F’Għawdex għandu l-opportunità li filgħaxija t-turist jista’ jattendi l-opra jew kunċert, filwaqt li filgħodu f’Għawdex għandek diversi siti turistiċi li wieħed iżur kif ukoll attivitajiet kulturali u rikreattivi li jista’ jagħmel,” qal Muscat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA jitkellem magħna wkoll dwar diversi ħsibijiet li għandha l-Assoċċazzjoni, u jistqarr li fl-aħħar snin saret ħidma ferm akbar mill-passat biex Għawdex jiġi rreklamata bħala destinazzjoni għaliha.

“Meta nkunu barra minn Malta nitkellmu ma’ operaturi u jgħidulna li huma lesti li jġibu t-turisti f’pajjiżna u jinkludu lil Għawdex għal ġurnata fil-programm… aħna ninfurmawhom li għalina mhux aċċettabbli li t-turist jiġi Għawdex għal ġurnata u ninsistu biex il-program ikun offrut b’mod li t-turist jagħmel fostna lejl jew iktar,” itenni Muscat filwaqt li sostna li Għawdex għandu biżżejjed kwalità li joffri bħala destinazzjoni unika.

Muscat qal li vaganza f’Għawdex għal wieħed barrani tista’ tiġi tiswa aktar minn vaganza f’Malta u dan għal diversi fatturi. Fosthom it-tip ta’ akkommodazzjoni li wieħed isib f’Għawdex kif ukoll li n-numru ta’ sodod fil-lukandi Għawdxin huwa wieħed limitat ta’ madwar 1,900 sodda. 

“Kważi tista’ tgħid li żewġ lukandi f’Malta għandhom daqs tant sodod daqs in-numru f’Għawdex kollu. Allura l-lukandier Għawdxi ma tantx jista’ joffri rati kompetitivi minħabba n-numru limitat ta’ sodod li għandu. Dan b’differenza minn Malta fejn il-lukandiera f’Malta għandhom iktar volum ta’ sodod li numru minnhom jkunu offruti bi prezz iktar kompetitiv,” jgħidilna Muscat.

It-turiżmu fi żmien l-Għid il-Kbir

“It-turiżmu fi żmien l-Għid il-Kbir f’Għawdex dejjem ikun perjodu tajjeb minħabba li nkunu qegħdin inħallu x-xhur tax-xitwa u għaldaqstant dak li jkun jibda jaħseb biex jieħu vaganza… u aktar mal-Għid il-Kbir jiġi tard f’April aktar ikun tajjeb għaliex ikun iktar viċin il-bidu tas-sajf…” stqarr magħna Joe Muscat.

Hu kompla li Għawdex jappella ħafna għal dan iż-żmien tas-sena minħabba l-ammont kbir ta’ attivitajiet li jkun hawn u dawn jappellaw mhux biss għas-suq intern imma wkoll turisti li jfittxu destinazzjoni li toffri attivatijiet għall-Ġimgħa Imqaddsa.

Mistoqsi dwar il-perjodu tal-Għid ta’ din is-sena, Muscat tenna li qegħdin nistennew livelli li aħna mdorrijin bihom fl-aħħar snin, filwaqt li saħaq dwar l-importanza li l-attivitajiet li jitellgħu jkunu reklamati mhux biss fis-suq lokali, iżda wkoll fuq is-suq internazzjonali.

Dwar is-Sajf, Muscat jgħid li “qegħdin nistennew sajf tajjeb ħafna fejn il-maġġoranza tal-lukandieri diġà qegħdin jgħidulna li l-bookings deħlin b’ritmu tajjeb.” Hawn, Muscat fakkar li sa ftit tas-snin ilu konna nbatu fi staġuni mhux daqshekk popolari, iżda llum grazzi għall-ħidma li ssir minn diversi entitajiet, anke xhur bħal Frar u Marzu qegħdin naraw li qiegħed ikun hemm ammont tajjeb ta’ turisti.

Għawdex ġżira tal-Milied

Muscat irrefera wkoll għall-fatt li Għawdex qiegħed isir bil-mod il-mod il-gżira tal-Milied minħabba l-ammont kbir ta’ attivitajiet li jsiru matul dan il-perjodu. Jgħid li biss biss hemm Bethlehem f’Għajnsielem hija attrazzjoni unika li ssibha biss f’Għawdex. 

Żewġ miljun turist

L-istatistika turi li f’Għawdex fl-aħħar sena żaruh madwar żewġ miljun turist… iżda fil-verità kemm minn dawk raqdu lejl jew aktar f’Għawdex staqsa Muscat. U r-risposta hija ċara… “Raqdu lejl jew aktar 182,000 turist biss minn żewġ miljuni… Aħna hemm irridu naħdmu li nżidu t-turisti li jorqdu f’Għawdex stess. Li jiġi turist għal ftit sigħat huma tajjeb, iżda mhux biżżejjed għal Għawdex,” jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-GTA, filwaqt li jgħid li t-turist għall-gżira Għawdxija huma dawk il-182,000.

Meta l-Prim Ministru tkellem dwar Għawdex bħala “destinazzjoni” jkun qiegħed ifisser li nżidu n-numru tal-persuni li jorqdu fil-gżira. 

“Bħalissa għandek sitwazzjoni fejn minn dawk il-182,000 turist, 50% tagħhom jagħmlu l-vaganza kollha taghhom f’Għawdex filwaqt li 50% oħra jaqsmu l-vaganza bejn Għawdex u Malta. 

Aħna rridu nżidu l-persenteġġ ta’ dawk li jagħmlu l-vaganza kollha taghhom f’Għawdex ,” jgħidina Muscat.

Konnettività

Il-konnettività wkoll tagħmel differenza dwar x’tip ta’ turisti qiegħed jattira pajjiżna. “Is-suq Pollakk kulma jmur dejjem qed iżid,” qal Muscat filwaqt li staqsa għaliex qiegħed jiġri dan… Il-Kap Eżekuttiv qal li r-risposta hija sempliċi… il-konnettività hija tajba ma’ dan il-pajjiż. Filwaqt li dan huwa tajjeb ħafna, imma rridu naraw ukoll li nkomplu nżidu l-konnettività bejn Malta u pajjizi ekonomikament iktar b’saħħithom bħal Ġermanja, l-Iżvizzera, l-Awstrija u l-pajjiżi Nordiċi,” kompla jgħid Muscat. 

Kien hawn li staqsa “għaliex m’għadniex daqshekk titjiriet frekwenti minn diversi bliet f’dawn il-pajjiżi… titjiriet diretti minn dawn id-destinazzjonijiet jagħmlu d-differenza kollha,” tenna Muscat.

X’jista’ jsir aktar?

Għal din il-mistoqsija Muscat qal li t-triq ‘il quddiem hija twila. “Hemm ħafna x’jista’ jsir u għandu jsir. Qegħdin isiru investimenti kbar mill-Gvern, iżda hemm bżonn aktar,” qal Muscat filwaqt li ta l-eżempju tat-terminal tal-Fast Ferry li hemm f’Għawdex fejn staqsa jekk dan hux wieħed diċenti mhux biss għat-turisti, iżda wkoll għall-Għawdxin u Maltin li jużaw dan is-servizz.

Semma wkoll affarijiet marbutin mar-ristoranti. “Dawn huma affarijiet li wieħed irid jinvesti fihom. Nafu li t-turisti jfittxu dawn l-affarijiet li jagħtu iktar valur lil esperjenza meta jkunu fil-gżira tagħna u hemm irridu ninvesti biex il-kwalità li joffri Għawdex tkompli togħla,” jgħid Joe Muscat.

Prezzijiet

Staqsejna wkoll dwar il-prezzijiet li ħafna nies igergru li huma eżaġerati. “Dwar il-farmhouses naħseb li l-prezzijiet huma tajbin. Hemm ħafna u ħafna spejjeż li wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni. Sabiex operatur iżomm fi stat tajjeb il-prorpjetà tiegħu għandu diversi spejjeż li l-klijient ma jarahomx imma jkunu saru sabiex jingħata valur għar-rata li jkun ħallas,” filwaqt li semma lista ta’ affarijiet oħrajn li kull operatur irid iħallas biex jibda jopera u joffri fost l-oħrajn farmhouse diċenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport