Saturday, January 11, 2025

“Għawdex eżempju ta’ kif it-tkabbir ekonomiku irid ikompli jirriżulta fil-ġid komuni u l-ħarsien tal-identità”- Il-PM

-il-Prim Ministru Robert Abela jitkellem fil-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Aqra wkoll

Waqt ċelebrazzjoni li fakkret l-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li llum ma nitkellmux iżjed fuq Għawdex ma jaqax lura iżda fuq Għawdex bħala eżempju li fih inżewġu t-tkabbir ekonomiku mal-ġid komuni. Spjega kif dan jiġi wkoll bil-ħarsien tal-identità Għawdxija li tiġbor fiha mhux biss il-kultura Għawdxija iżda anki il-wirt rurali u urban ta’ Għawdex.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija bħala sieħeb strateġiku u vuċi importanti għall-Gvern dwar Għawdex. Semma l-kwistjoni tal-insularità doppja u l-aċċessibiltà li titkellem ħafna fuqha l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u semma kif il-Gvern jibqa’ determinat li jindirizza dan.

Hawn semma mhux biss it-tieni fibre optic cable li tlesta iżda issa l-permessi meħtieġa li nġabu biex jibda x-xogħol fuq l-airfield. Dr Abela spjega li ladarba dan il-proġett jitlesta mhux biss se joħloq konnessjoni bejn iż-żewġ gżejjer iżda jġib niċċa ekonomika li toffri attivitajiet ta’ valur għoli f’Għawdex.

Il-Prim Ministru nnota kif illum il-ġurnata l-Għawdxin jistgħu jagħżlu li jaħdmu f’Għawdex. Hekk ukoll rajna li fl-aħħar snin in-negozji Għawdxin iħossuhom kunfidenti biżżejjed sabiex jinvestu f’Għawdex.

Dan fi sfond li fl-2023, l-ekonomija ras għal ras f’Għawdex kibret b’aktar minn darba u nofs ta’ kemm kibret bejn l-2008 u l-2013. Innota li llum f’Għawdex jaħdmu mas-settur privat id-doppju ta’ dawk li kienu jaħdmu għaxar snin ilu.

Dr Abela rrimarka għall-investiment b’saħħtu li qed isir f’Għawdex fosthom dak infrastrutturali permezz tal-iskola primarja fir-Rabat u tan-Nadur filwaqt li hemm ix-xogħol miexi ġmielu fuq iċ-ċentru akwatiku u sportiv. Fl-indirizz tiegħu li fih awgura aktar suċċessi lill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Prim Ministru nnota kif il-Gvern ħares aktar lejn il-futur bl-Awtorità għall-Iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex, il-GRDA.

“Għall-ewwel darba l-Għawdxin għandhom vuċi u kontroll fuq deċiżjonijiet li qabel kienu jittieħdu banda oħra u imposti fuqhom,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Fisser l-istrateġija ta’ Għawdex bħala gżira ta’ villaġġi bħala waħda importanti u qal li bl-isforzi ta’ kulħadd, fosthom il-komunità tan-negozju nistgħu nsaħħu l-identità Għawdxija flimkien mat-tkabbir ekonomiku u l-ġid komuni. Hawn qal li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tul dawn l-aħħar 25 sena kienet attur favur bidla pożittiva.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Malta Labour Migration Policy li ppreżenta l-Gvern din il-ġimgħa. “L-Għawdxin l-ewwel, l-aqwa opportunitajiet għalihom,” fisser Dr Abela li hu u jsemmi bidliet oħra importanti, tenna x-xewqa tal-Gvern li jara li Għawdex isir l-ewwel parti ta’ Malta bħala carbon neutral.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport