Il-gżira tat-Tliet Għoljiet, bil-fatti qed tkompli tikber u tissaħħaħ bħala destinazzjoni turistika ewlenija kemm mal-Maltin kif ukoll mat-turisti li jżuruna. Dan joħroġ b’mod ċar mill-għadd ta’ persuni li qegħdin jaqsmu l-fliegu, bl-aħħar xhur tas-sena jkunu impenjattivi ferm għall-Gozo Channel hekk kif żdiedu l-vjaġġi b’mod konsistenti.
B’mod partikolari f’dan l-istaġun tal-festi li għadu kemm ġie fi tmiemu, fejn rajna għadd kbir ta’ persuni jaqsmu lejn Għawdex u jqattgħu ftit jiem f’din il-gżira ċkejkna fid-daqs imma tħabbatha mal-kbar fl-attività li torganiżża.
Dan is-suċċess li issa sar annwali, huwa xhieda tas-servizz turistiku dejjem jitjieb li qed jingħata lil dawk li jżuru Għawdex, mhux biss waqt il-ġranet ta’ festi imma matul is-sena kollha. Dan grazzi għall-ħidma ma taqta’ xejn tal-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għal Għawdex u diversi entitajiet oħra Għawdxin fosthom l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu.
Il-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex huma parti mill-attrazzjonijiet li jiġbdu lejhom it-turiżmu barrani. It-turiżmu lejn Għawdex ingħata spinta wkoll minn meta l-cruiseliners qed jagħmlu waqfiet qrib il-gżira Għawdxija. Dan ifisser li mhux Malta biss qed tibbenefika mill-wasliet tal-cruiseliners imma anke l-gżira-oħt, Għawdex.
Hawnhekk intennu l-konvinzjoni tagħna li l-gvern se jżomm mal-wegħda li Għawdex ikun Gżira tal-Villaġġi u mhux gżira tat-torrijiet jew ta’ żvilupp sfrenat li jekk jiġri dan tal-aħħar, Għawdex jitlef il-karatteristiċi uniċi tiegħu, u ma jibqax il-ġawhra fil-Mediterran.
Ma rridux ninsew li Għawdex għandu biex jiftaħar qabel kollox bit-tempji megalitiċi li saħansitra huma eqdem mill-piramidi tal-Eġittu. Dawn it-tempji, li llum huma wirt dinji dikjarat mill-UNESCO, għandhom jagħtu spinta akbar lit-turiżmu lejn Għawdex, mhux biss għall-valur turistiku tagħhom imma għax huma wkoll mera taċ-ċiviltà tal-qedem li kienet tgħammar fil-gżejjer Maltin.
Għalhekk, dan kollu jpoġġi fuq spallejna lkoll ir-responsabbiltà li dawn is-siti storiċi nkomplu nieħu ħsiebhom u nindukrawhom kif jixraq biex jibqgħu għas-snin li ġejjin.
Din is-sena ġdida, bħas-snin li għaddew, mistennija li tkun ukoll sena oħra ta’ suċċesss għal Għawdex kemm mill-aspett turistiku kif ukoll mill-attivitajiet kulturali u soċjali li mistennija jkunu organizzai fix-xhur li ġejjin.



