Thursday, September 25, 2025

Għawdex għandu jibqa’ jżomm il-karatteristiċi uniċi tiegħu

Aqra wkoll

Dan l-aħħar qamet kontroversja sħiħa dwar jekk f’Għawdex għandhomx jinbnew torrijiet jew le. Irrispettivament mill-partiġġjaniżmu politiku, aħna ninsistu li Għawdex għandu jibqa’ jżomm il-karatteristiċi uniċi li huwa mogħni bih. Irridu niftakru li Għawdex għandu waħda mill-eqdem strutturi mibnija mill-bniedem, il-Ġgantija, li anke kienet tniżżlet fil-lista tas-siti ta’ wirt dinji tal-UNESCO bħala waħda mit-Tempji Megalitiċi ta’ dawn il-gżejjer fl-1980. Dan kollu għandu għalxiex jagħmilna kburin. Barra minn dan, kull belt u raħal għandha wkoll il-karatteristika partikolari tagħha. U dan kollu nemmnu li għandu jibqa’ jiġi mħares u jinżamm.

Minn sena għal oħra, ir-riżultati li qed tikseb din il-ġżira ġawhra kemm f’dak li huwa turiżmu u anke mill-aspett ta’ investiment ta’ kwalità, ikomplu jagħmlu lil Għawdex aktar attraenti. F’dan ir-rigward, anke permezz tal-programm ta’ attivitajiet kulturali li jittellgħu minn xahar għall-ieħor, ikomplu jesponu l-identità ta’ diversi villaġġi li bla dubju ta’ xejn jolqtu l-għajn ta’ kull min imur iżurhom. Ir-riżultati qed jitkellmu waħedhom, kif rajna fix-xhur tas-sajf meta l-attività kienet waħda pożittiva ħafna. 

Għawdex ma jiddependix biss fuq it-turisti imma wkoll is-suq domestiku, li daqstant ieħor huwa importanti. Dan b’referenza għal Maltin li jżuru jew joqogħdu f’din il-gżira, li huwa parti fundamentali mill-ekosistema turistika. Għalhekk dan kollu marbut flimkien, jixhed id-diversi aspetti marbuta flimkien biex ikunu ta’ għajnuna u sostenn għal Għawdex.

F’dan l-isfond ukoll, nistennew li fil-Budget għas-sena d-dieħla, l-allokazzjoni finanzjarja għal Għawdex tkompli tiżdied biex isiru aktar proġetti ta’ fejda, li minnhom jibbenefikaw il-komunitajiet kollha. Għalhekk ma nistgħux ma nirreferux għall-Viżjoni Malta 2050 u għall-Istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi, li t-tnejn li huma qed jagħtu stampa konkreta tal-viżjoni sostenibbli li l-Gvern għandu għall-ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha, reżiljenti u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u li fl-istess waqt tippreserva l-identità Għawdxija. 

B’żieda ma’ dan, il-konnettività fiżika kif ukoll dik diġitali jibqgħu elementi kruċjali biex jattiraw lejn Għawdex attività ta’ valur miżjud dejjem aqwa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport