Għawdex qed ikompli jikber u jissaħħaħ bħala destinazzjoni turistika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin. Din is-sena, fil-jiem festivi biss, il-qsim tal-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer kien suċċess u ra żieda ta’ aktar passiġġieri u vetturi. Filfatt aktar minn 345,000 passiġġier u 117,000 vetturi f’total ta’ 2,480 vjaġġ lejn Għawdex fi żmien il-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena.
Din hija riflessjoni li Għawdex, kulma jmur, qed itejjeb is-servizzi li qed joffri fil-qasam turistiku, speċjalment fejn il-qasam tal-akkomodazzjoni u l-catering. Hija wkoll prova oħra li l-Maltin għandhom il-flus f’buthom biex iqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ f’Għawdex, ftit ‘il bogħod mix-xogħol u mill-ħajja ta’ kuljum.
Dan jikkonferma wkoll dak li qal Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat illi din is-sena, il-perjodu festiv kien wieħed pożittiv għall-ekonomija ta’ Għawdex.
Għalhekk mhijiex sorpriża li l-gżira Għawdxija se tkun ir-Reġjun tal-Kultura 2025, fejn se tiġi ċċelebrata l-identità kulturali unika tal-gżira Għawdxija permezz ta’ programm multidixxiplinarju li jesplora u jgħaqqad prattiċi tradizzjonali ma’ dawk kontemporanji.
Huwa tajjeb ukoll li ninnutaw b’apprezzament il-programm vast ta’ attivitajiet li ttellgħu fil-jiem bejn il-Milied u l-Ewwel tas-sena, programm li kkontribwixxa sostanzjalment biex aktar nies iżuru Għawdex bħala d-destinazzjoni għal vaganzi tagħhom.
F’dan il-kuntest, inħossuna konvinti li l-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Għawdex, se jkompli għaddej bil-proċess li jkompli jtejjeb b’mod sħiħ l-infrastrutturali tal-gżira sabiex Għawdex ikun dejjem aħjar milli diġa hu.
L-importanza ta’ Għawdex fl-ekonomija nazzjonali ġiet saħansitra rikonoxxuta anke fil-Budget għas-sena 2025, fejn in-nefqa għal Għawdex din is-sena, se tkun laħqet id-€93 miljun.
Dan kollu jġib fix-xejn l-argumenti tal-kelliema tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista illi Għawdex ma kienx prijorità fil-Budget 2025. Il-fatti u ċ-ċifri iżda juru xorta oħra. Tant hu hekk, illi l-vot għal Għawdex fil-Budget ta’ din is-sena kien ta’ kważi €10 miljuni aktar fuq dak tas-sena l-oħra. Altru milli Għawdex mhuwiex prijorità għall-Gvern.
Lil hinn mill-kritika u n-narrattiva politika, għandna għax nemmnu li Għawdex se jkompli jiddiversifika fis-sbuħija naturali u unika tiegħu biex verament jibqa’ l-ġawhra f’nof il-Mediterran.