Friday, December 13, 2024

Għawdex jibqa’ fiċ-ċentru ta’ bosta proġetti f’setturi differenti; mix-xjenza għall-isport

Aqra wkoll

F’waħda minn sensiela ta’ żjarat li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel fuq proġetti madwar Malta u Għawdex, żar l-ewwel osservatorju nazzjonali fin-Nadur u x-xogħlijiet li saru fil-grawnd tal-Qala.

Fin-Nadur, il-Prim Ministru sema’ kif wara studju kkummissjonat mill-Università ta’ Malta, ġie stabbilit li l-kosta Għawdxija hija l-iżjed sit adegwat biex tospita dan l-ewwel osservatorju ottiku nazzjonali tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Osservatorju li ġie installat mid-direttorat EkoGħawdex b’kollaborazzjoni mal-Istitut tax-Xjenza Spazzjali u l-Astronomija (ISSA) fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-Professur Joseph Caruana, astrofiżiku u koordinatur tal-proġett fejn spjega iżjed fid-dettall l-importanza ta’ proġett bħal dan għall-qasam xjentifiku, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Processed with VSCO with g6 preset

Tkellem ukoll ma’ numru ta’ studenti li kienu preżenti waqt iż-żjara u li qasmu l-ħsibijiet tagħhom fuq il-proġett. L-osservatorju se jkun qiegħed iservi bħala faċilità ta’ taħriġ u bosta studenti minn istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom b’rabta mas-suġġetti li jkunu qegħdin jistudjaw u jimirħu fihom.

Prim Ministru nnota kif proġett bħal dan qiegħed iwieġeb għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum u li permezz tiegħu se tissaħħaħ l-esperjenza edukattiva għal dawn l-istudenti li jitħarrġu fis-suġġetti tax-xjenza, il-fiżika, l-astronomija u oħrajn relatati.

Fi żjara oħra, il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet li saru fil-grawnd tal-Qala li permezz tagħhom ġie installat turf sintetiku ġdid, filwaqt li sar xogħol ieħor ta’ ristrutturar f’faċilitajiet varji f’dan il-grawnd.

Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jitkellem mat-tmexxija tal-klabb tal-futbol tal-Qala u ma’ diversi plejers. Huwa nnota li t-titjib infrastrutturali f’dan il-grawnd se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jagħmlu użu minnu u jkompli jgħolli l-livell ta’ professjonaliżmu mistenni mill-atleti.

Ix-xogħlijiet infrastrutturali fil-grawnd tal-Qala kienu jinvolvu l-invellar u t-tqegħid ta’ turf li jilħqu l-aħħar standards tal-kwalità tal-FIFA. B’dan il-proġett jifforma parti minn kullana ta’ proġetti oħra li qed isiru bħalissa f’Għawdex fil-qasam sportiv.

Waqt iż-żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretajru Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Ekonomija

Sport