Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza sessjoni tal-Euro-Med Summit of Regions li ttellgħet f’Barċellona fejn kienet diskussa d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Patt Ġdid għall-Mediterran sabiex fit-28 ta’ Novembru li ġej titressaq fil-Euro-Med Summit tal-Ministri u eventwalment quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Il-Patt Ġdid għall-Mediterran jappella għal aktar involviment tar-reġjuni u l-bliet sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet, jimplimentaw il-proġetti u jevalwaw ir-riżultati.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li “f’mument fejn l-inċertezza globali qiegħda dejjem tikber, irridu nsaħħu l-koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Mediterran. Il-Patt Ġdid għall-Mediterran għandu joffri viżjoni strateġika ċara u ambizzjuża li twassal għal riżultati konkreti f’oqsma bħad-djalogu politiku, l-edukazzjoni, il-ħiliet, l-inklużjoni soċjali, il-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku.” Huwa semma kif il-Mediterran huwa reġjun sinifikanti u uniku li jgħaqqad il-kulturi, il-kummerċ u l-bijodiversità. Barra minn hekk, jgħaqqad ukoll tliet kontinenti u miljuni ta’ nies jiddependu fuq ir-riżorsi tiegħu għall-għejxien. Għalhekk, spjega Camilleri, il-Mediterran għandu jerġa’ jingħata l-importanza li jistħoqqlu fil-politika Ewropea.
Il-Patt tal-Mediterran huwa inizjattiva trasformattiva u urġenti li tiffoka fuq koperazzjoni Ewro-Mediterranja bbażata fuq il-Proċess ta’ Barċellona, li din is-sena qed jiċċelebra t-30 anniversarju, u d-djalogu dwar opportunitajiet indaqs bejn l-EU u l-pajjiżi tan-naħa ta’ isfel u Lvant tal-Mediterran fejn iż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili jkollhom rwol primarju li jassiguraw l-implimentazzjoni u l-leġittimità tagħha.
Dan il-Patt qed jesiġi lill-Kummissjoni Ewropea u l-istuzzjonijiet Ewropej reponsabbli sabiex jinċentivaw ir-rwol relevanti u ċentrali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, iwaqqfu kumitat ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni bbażat fit-territorju, iwaqqfu fond għall-assistenza teknika għal koperazzjoni diċentralizzata fil-Mediterran u jressqu din id-dikjarazzjoni konġunta lill-Euro-Med Summit tal-Ministri fit-28 ta’ Novembru 2025 bħala espressjoni ċara tar-rieda u d-determinazzjoni tar-reġjoni u l-ibliet li jkollhom rwol istituzzjonali ċentrali għall-futur tal-Mediterran.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri sostna li “l-Patt għandu jkun katalist għal progress tanġibbli u konkret, b’enfasi fuq oqsma fejn l-azzjoni konġunta tista’ tħalli l-aqwa riżultati bħall-immaniġġjar tal-ilma, il-kummerċ u l-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi, l-ekonomija blu, l-enerġija, il-konnettività, l-azzjoni klimatika, u l-migrazzjoni, fost l-oħrajn.” Il-Ministru żied jgħid li biex jintlaħqu dawn ir-riżultati l-implimentazzjoni għandha tkun iggwidata minn prijoritajiet SMART u mekkaniżmi flessibbli li jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni bejn kulħadd.
Il-Ministru Camilleri insista fuq il-ħtieġa ta’ sħubija u parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha fil-Mediterran u l-inklussività fil-Patt għandha tmur lil hinn minn konsultazzjonijiet formali. Il-partijiet kollha fil-Mediterran, inklużi l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, l-akkademja u ż-żgħażagħ, għandhom ikunu involuti fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet. Għalhekk stqarr il-Ministru “għandna naddottaw approċċ minn isfel għal fuq li mhux biss jibni fiduċja, iżda jiżgura li l-proġetti jirriflettu l-ħtiġijiet reali tan-nies.”
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm billi rringrazzja lill-parteċipanti kollha u tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem favur kooperazzjoni effettiva u viżjoni komuni għal reġjun Mediterranju aktar prosperu, stabbli u reżiljenti

