Saturday, February 14, 2026

Għawdex lest għall-jiem tal-karnival

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur ix-xogħol ta’ preparazzjoni għat-tradizzjonijiet ta’ dawn iż-żminijiet fil-gżira Għawdxija

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żar Għawdex fejn segwa mill-qrib il-preparazzjonijiet li għaddejjin għall-attivitajiet tal-Karnival li ta’ kull sena jimlew il-gżira bi ġranet ta’ divertiment, mużika u tradizzjoni.

Iż-żjara bdiet fin-Nadur, fejn il-Prim Ministru ltaqa’ mal-organizzaturi tal-Karnival Spontanju, avveniment li hu ferm popolari u li kull sena jiġbed numru kbir ta’ żgħażagħ, Għawdxin u Maltin lejn din il-lokalità. Hawnhekk seta’ jara l-ħidma li għaddejja fuq il-post u jitkellem kemm mal-organizzaturi minn Malta Daily kif ukoll is-Sindku tan-Nadur Edward Said flimkien man-nies tal-lokal li, b’ħafna impenn, ikomplu jżommu din it-tradizzjoni ħajja sena wara oħra.

Matul il-ġurnata, il-Prim Ministru żar ukoll diversi stabbilimenti u kumpaniji tad-divertiment li qed jorganizzaw attivitajiet f’lokalitajiet differenti madwar Għawdex matul il-weekend tal-Karnival. Dawn l-inizjattivi, immexxija prinċipalment minn żgħażagħ, qed joffru forma ta’ divertiment li tattira ġenerazzjoni aktar żagħżugħa u tkompli ssebbaħ l-atmosfera fil-gżira Għawdxija.

Il-ġurnata kompliet bi żjarat għand ħames kumpaniji tal-karrijiet ġewwa l-imħażen tagħhom, fejn il-Prim Ministru seta’ jara mill-qrib ix-xogħol li għaddej fuq il-karrijiet li se jieħdu sehem fil-Karnival ta’ din is-sena. Hawnhekk spikka l-impenn, il-kreattività u s-sagrifiċċju li jagħmlu bosta voluntiera sabiex jinżamm ħaj dan il-wirt kulturali.

L-aħħar waqfa għall-Prim Ministru kienet fir-Rabat Għawdex fejn attenda għall-parata tradizzjonali tal-Karnival. Hawnhekk iltaqa’ ma’ diversi parteċipanti, voluntiera u familji li kienu qed igawdu l-festi tal-Karnival. Il-parata offriet atmosfera ferriħija mimlija kuluri, kostumi u karrijiet, li wriet mill-ġdid kif il-Karnival f’Għawdex jibqa’ avveniment ta’ għaqda u ferħ għall-komunità kollha.

Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li, “Il-Karnival f’Għawdex joħroġ l-ispirtu pożittiv u l-impenn tal-komunità lokali. Huwa mument fejn iż-żgħażagħ, il-voluntiera, l-anzjani u l-familji jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw din il-festa li hi parti mill-identità tagħna. Il-Gvern jibqa’ kommess li jappoġġja dawn l-inizjattivi li jġibu l-ferħ, il-ħajja u l-attività ekonomika fil-gżira Għawdxija.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport