F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-Baġit 2021, bl-għajta ‘Maltin b’Saħħitna ’l Quddiem’ huwa l-ikbar baġit li qatt ġie ppreżentat fl-istorja ta’ pajjiżna u saħansitra f’nofs pandemija dan il-gvern mhux biss ma rtira l-ebda benefiċċju mill-aħħar seba’ snin, iżda kompla jżid fuqhom. Qal li dan huwa gvern immexxi minn prim ministru li għandu viżjoni għal pajjiżna u li għandu miri ċari għal Għawdex u għal Malta u li Għawdex kien, għadu u se jibqa’ prijorità għal dan il-gvern.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li dan il-baġit huwa wkoll l-aqwa baġit li qatt ingħata lil Għawdex, fejn “Il-baġit rikurrenti żdied għal €52 miljun filwaqt li l-baġit għall-investimenti kapitali żdied għal rekord ta’ €22 miljun. Dan ifisser li għas-sena 2021, Għawdex ser ikun qed igawdi minn żieda finanzjarja sostanzjali minn fuq is-sena l-oħra ta’ aktar minn €6 miljun. Aħna l-Għawdxin u l-Maltin kburin. U sejrin ’il quddiem għax fl-aħħar hawn gvern li qed jaħdem sabiex ikun hawn l-impjiegi f’Għawdex għall-Għawdxin billi nattiraw kumpaniji ġodda; ninvestu aktar fl-infrastruttura industrijali; u nagħtu sensiela ta’ inċentivi”.
Il-Ministru Camilleri elenka sensiela ta’ skemi li se jkunu qed jissoktaw f’dan il-baġit li għadu kif ġie mressaq bħall-Employment Refund Scheme, it-Teleworking Scheme, l-iskemi fil-qasam tal-MICE u se jkomplu jissaħħu l-Back Office Employment Refund Scheme u skemi ta’ sapport promozzjonali lill-intrapriżi Għawdxin li joperaw b’mod speċjali fis-settur tal-innovazzjoni digitali, tat-teknoloġija tal-internet u fis-settur turistiku.
Huwa kompla jgħid li minkejja dawn l-inċentivi sabiex verament ikunu attirati investiment u xogħol ta’ kwalità f’din il-gżira, irid ikun hemm infrastruttura ta’ kwalità. Hawnhekk ħabbar li l-infrastruttura tat-tieni fibre optic cable bejn iż-żewġ gżejjer hija kompluta u li l-fibre optic cable mistenni jibda jopera fi ftit ġimgħat oħra. Spjega li “Dan l-investiment importanti ser ikun l-ewwel pass sabiex nibdew nattiraw is-setturi tal-innovazzjoni diġitali, tal-gaming u tat-teknoloġija tal-internet. Investiment li ser jagħti serħan il-moħħ lil dawk kollha li jinvestu f’Għawdex ta’ konnessjoni sigura u kontinwa mal-bqija tad-dinja”.
Il-Ministru Camilleri rrimarka li fil-Baġit 2021 kienu preżentati wkoll sensiela ta’ miżuri biex titjieb il-konnettività bejn Malta u Għawdex. Saħaq li dan il-gvern huwa impenjat li jwettaq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex filwaqt li qal li issa wasal iż-żmien li jingħażel il-konċessjonarju biex jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-mina li se toffri ħafna vantaġġi għall-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu biex imorru għax-xogħol kuljum. Huwa fakkar li ż-żieda tar-raba’ vapur mal-flotta tal-Gozo Channel ġabet il-kumdità u l-ispedezza fis-servizz għal eluf ta’ Għawdex li jaqsmu ta’ kuljum il-fliegu għall-istituzzjonijiet edukattivi jew għall-post tax-xogħol tagħhom. Esprima li din kienet deċiżjoni għaqlija u ta’ min ifaħħarha u qal li “Għaldaqstant, se nkunu kommessi li dan is-servizz jiddaħħal fuq bażi permanenti. Dan ser ikun ifisser inqas kju fit-terminals tal-Imġarr u taċ-Ċirkewwa, timetables tas-servizz aktar frekwenti u fl-aħħar mill-aħħar, tnaqqis fl-iskariġġ għal dawk kollha li jagħmlu użu minn dan is-servizz b’mod regolari”. Semma li dan il-gvern ma waqafx hawn u mill-bidu ta’ Ottubru beda s-servizz tal-linja X300, servizz ġdid koordinat mal-iskeda tal-Gozo Channel sabiex iwassal b’mod dirett lill-istudenti u lill-Għawdxin mit-terminal taċ-Ċirkewwa lejn l-Isptar Mater Dei, l-Università ta’ Malta, il-Junior College u l-Belt Valletta u viċe versa. Dan qed ikompli jnaqqas l-iskariġġ ta’ dawk kollha li jaqsmu bejn il-gżejjer ta’ kuljum. Dan filwaqt li qal li se jitwettaq il-proġett ta’ konnessjoni b’fast ferry bejn Għawdex u l-Belt Valletta fil-Port il-Kbir li għandu jkun mezz kif persuni jivvjaġġaw f’anqas minn 45 minuta u jipprovdi aktar kumdità partikolarment għal dawk l-Għawdxin li jivvjaġġaw spiss u li jaħdmu fil-viċinanzi tal-Belt filwaqt li għandu jnaqqas ukoll b’mod sinifikanti t-traffiku.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-Baġit 2021 hu xhieda li l-infrastruttura u r-rikostruzzjoni madwar Għawdex se jibqgħu prijorità għal dan il-gvern. Huwa elenka l-proġetti li tlestew. Fi ftit xhur tlestiet Pjazza San Franġisk b’investiment ta’ €2 miljun, tlestiet u bdiet topera d-dry-standing area tax-Xlendi b’investiment ta’ nofs miljun ewro, tlesta u fi ftit tal-jiem oħra se jkun inawgurat il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn b’investiment ta’ ’l fuq minn €1 miljun. Saru u se jkomplu jsiru għexieren ta’ toroq residenzjali madwar Għawdex kollu però aktar minn hekk qed tittejjeb l-infrastruttura li tgħaqqad il-Port tal-Imġarr mal-bqija tal-gżira, fejn preżentament tlestiet Triq iż-Żewwieqa fi ftit ġimgħat, tlestiet ukoll aktar minn 70% tar-rikostruzzjoni mill-qiegħ tal-arterja Triq Sant’Antnin, liema triq se tkun qed tinfetaħ mill-ġdid fi ftit tal-jiem oħra. Barra minn hekk, għaddejja l-kostruzzjoni ta’ Triq l-Imġarr b’investiment ta’ aktar minn €9 miljun liema arterja ser tkun kompluta għal nofs is-sena d-dieħla.
Permezz ta’ dan il-baġit se tibda r-rikostruzzjoni mill-ġdid tat-triq ta’ wara s-sur fil-Belt Victoria sabiex jittaffa t-traffiku f’din l-istess belt, kif ukoll ir-rikostruzzjoni mill-ġdid ta’ żewġ toroq importanti, it-triq li twassal mir-Rabat għal Marsalforn kif ukoll it-triq li twassal mix-Xagħra sal- Marsalforn. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rrimarka li dawn il-proġetti massiċċi juru l-impenn ta’ dan il-gvern sabiex Għawdex ikollu infrastruttura eċċellenti għall-ġejjieni.
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li mill-fondi kapitali se jkompli jsir investiment fi proġetti ta’ importanza nazzjonali fil-gżira Għawdxija u ħabbar ukoll li nhar il-Ħadd ser tibda l-kostruzzjoni taċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fil-Belt Victoria, liema proġett għandu jitlesta sas-sena dieħla. Dan il-proġett se jinkludi pixxina olimpika u numru kbir ta’ faċilitajiet sportivi indoor, sabiex verament, apparti li jkunu offruti dawn il-faċilitajiet għall-poplu Għawdxi, jibda jkun attirat ukoll turiżmu sportiv lejn il-gżira Għawdxija. Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li bħalissa għaddej u se jkompli l-bini tal-Mużew ta’ Għawdex, proġett ieħor ta’ €9 miljun, l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu għall-gżira Għawdxija, fejn l-ewwel wing ta’ dan il-proġett li se tospita fiha l-istorja marittima ta’ gżiritna mistennija tkun lesta fl-ewwel kwart tas-sena dieħla. Apparti minn hekk, se jsiru l-istudji meħtieġa sabiex eventwalment jiġi implimentat l-Mużew Kulturali taħt il-Baħar. Huwa qal ukoll li wara li tlesta l-proġett tal-Menqa issa bdiet ukoll ir-riġenerazzjoni tal-waterfront ta’ Marsalforn, proġett li ser ikun komplut qabel l-istaġun tas-sajf tas-sena dieħla, b’investiment globali ta’ €3 miljun.
Semma li barra mill-inċentivi li dan il-gvern qed jagħti lill-istudenti li jsegwu l-korsijiet f’Malta se jwettaq ukoll il-proġett ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti Għawdxin f’Villa Lauri, Birkirkara. Il-ministru qal li bħalma naħsbu fiż-żgħażagħ tagħna se naħsbu fl-anzjani tagħna u għalhekk se jitkompla x-xogħol fuq id-dar għall-anzjani f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem biex nagħtu l-aqwa servizzi residenzjali għall-anzjani f’Għawdex. Huwa sostna li dawn huma biss ftit mill-miżuri tal-Baġit 2021 għal Għawdex u wiegħed li l-ġid, il-proġetti u t-titjib fl-infrastruttura qegħdin u se jibqgħu jidhru bil-fatti aktar minn qatt qabel. Dan il-gvern jinsab kommess li jkompli jwettaq u jtejjeb l-għajxien tal-poplu Għawdxi u Malti.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-poplu jaf li għandu prim ministru u gvern li kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet u li dan iwassal biex jissaħħu n-negozji u tibqa’ titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti u tal-familji. U għalhekk it-tema ta’ dan il-baġit, ‘Maltin, b’Saħħitna ’l Quddiem’.