Friday, November 15, 2024

Għawdex u Malta fiċ-ċentru tal-qalba ambjentali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

  • Dr Cutajar, inti impenjata sew f’dik li hija politika ndirizzata għal gżejjer żgħar u f’laqgħat riċenti li kellek sħaqt ukoll fuq l-importanza tagħhom fil-qalba ambjentali. Xi tgħidilna dwar dan?

Nibdew biex tajjeb li nirrikonoxxu l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq il-gżejjer, inkluż fis-settur tat-turiżmu. Madankollu nemmen li d-dibattitu dwar l-importanza tal-gżejjer fl-aġenda politika għandu jmur lil hinn mill-fażi ta’ rkupru mis-sitwazzjoni miġjuba minn din il-pandemija.

Il-pakkett tal-UE magħruf bħala ‘Next Generation EU package’ se jipprovdi riżorsi biex jgħin lill-Istati Membri jirribattu għall-kriżi ekonomika kkawżata mill-COVID19, imma dan il-pakkett iħares ukoll biex timxi ‘l quddiem it-tranżizzjoni ambjentali u diġitali.

Jekk inħarsu lejn l-Intrapriżi Żgħar u Medji u l-Ekonomija l-Ħadra, dan hu settur importanti ferm, li mbuttajt ‘il quddiem ukoll fl-Istrateġija Ewropea għall-SMEs li nnegozjajt f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi.

L-SMEs fil-gżejjer tagħna għandhom quddiemhom sfidi speċifiċi, fosthom spejjeż extra-operattivi, imma wkoll ostakli għall-innovazzjoni kif ukoll diffikultajiet biex jaġġornaw il-ħiliet u biex itejbu n-netwerk tagħhom għal skopijiet kummerċjali.

Imma t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tkun opportunità tad-deheb. Dan jekk nagħmlu l-ħajja tal-SMEs eħfef – per eżempju billi nnaqqsu dak li huwa nuqqas ta’ informazzjoni li tasal għandhom speċjalment fl-iktar żoni remoti u periferali tal-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, ħafna drabi dawn l-Intrapriżi Żgħar u Medju mhumiex konxji mill-opportunitajiet li jinvolvi l-hekk imsejjaħ Green Deal u għalhekk irridu ngħinuhom. 

  • Nitkellmu ħafna dwar din il-qalba ambjentali fi sfond ta’ ekonomija ċirkolari.  X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan speċjalment l-irwol tal-gżejjer?

Nibda biex nispjega li meta nirreferu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari propost mill-Kummissjoni Ewropea, qed nitkellmu dwar pjan biex nimmodernizzaw u nittrasformaw il-mod kif nipproduċu, nużaw mill-ġdid, nirriċiklaw u nsewwu oġġetti diversi, filwaqt li nipproteġu l-ambjent.

L-ekonomija ċirkolari hi parti importanti mit-tranżizzjoni ambjentali li rridu nagħmlu u kif diġà għidt diversi drabi nemmen bis-sħiħ fil-kontribuzzjoni li l-gżejjer Ewropej jistgħu jagħtu f’dan il-qasam. U propju dan huwa l-punt li tkellimt dwaru f’konferenza onlajn tal-Conference of Peripheral Maritime Regions (CPMR), fejn indirizzajt din il-konferenza bħala Membru Parlamentari Ewropew fi ħdan l-Intergrupp SEARICA. Konferenza li ddiskutiet it-titjib tal-mudelli tal-Ekonomija Ċirkolari fil-gżejjer tal-Unjoni – it-triq lejn rivoluzzjoni tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart tal-gżejjer.

Nibda mal-ewwel billi ngħid li nemmen bis-sħiħ li l-gżejjer jistgħu jkunu laboratorju ta’  sostenibbiltà. Għaliex qed ngħid dan? Għaliex l-ekonomija ċirkolari mhix biss hija essenzjali biex il-gżejjer jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ambjentali, imma hija wkoll opportunità ekonomika.

Bħala membru tal-Kumitat tal-Industrija fil-Parlament Ewropew impenjata bis-sħiħ biex niżgura li t-tranżizzjoni ambjentali tippreżenta wkoll opportunità ekonomika għall-intrapriżi żgħar u medji li ġejjin mill-gżejjer tagħna, u li fuqhom jiddependu eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Intant fir-Rapport dwar l-Istrateġija għall-SMEs, irnexxieli ninkludi wkoll riferenza għall-ekonomija ċirkolari u d-dritt tat-tiwsija bħala għodda importanti biex jixprunaw lill-SMEs tagħna biex jidħlu u jirnexxu f’dan is-suq ġdid. 

Meta nitkellmu dwar dan is-suġġett, inħarsu lejn is-sostenibbiltà imma ovvjamnet irridu nżommu f’moħħna wkoll il-kompetittività ekonomika. Mhumiex oqsma fuq binarji differenti – anzi, imorru id f’id. 

  • Ftit ħsibijiet dwar punti importanti fejn jidħlu l-ekonomija ċirkolari u l-immaniġġjar tal-iskart, it-turiżmu, u t-tniġġiż mill-plastik…

Aktar milli ħsibijiet, inħares lejn azzjonijiet. Kif nistgħu naslu biex negħbu l-isfidi li dawn l-oqsma jpoġġu quddiemna fejn jidħlu gżejjer żgħar.

Inħares lejn l-adozzjoni ta’ prattiċi ta’ ekonomija ċirkolari li jistgħu jkunu mod vijabbli biex ikunu ndirizzati l-isfidi tal-immaniġġjar tal-iskart fil-gżejjer. Imma fl-istess ħin, kif għadni kemm għidt, il-kisba tas-sostenibbiltà tista’ tkun ta’ benefiċċju biex ikun hemm bidla fil-mudell ekonomiku, għaliex l-ekonomija ċirkolari tista’ tixpruna ditti żgħar u medji biex jidħlu fi swieq ġodda. Dan l-izvilupp jista’ jgħin biex l-ekonomiji tal-gżejjer innaqsu mid-dipendenza żejda fuq setturi oħra tal-ekonomija. L-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi wkoll biex il-gżejjer isiru destinazzjoni saħansitra aktar sostenibbli u dan ikollu effett pożittiv anké fuq it-turiżmu.

Inqis għalhekk li huwa kruċjali, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji li jixtiequ jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, li jingħataw l-assistenza teknika meħtieġa biex tgħinhom jaffaċċjaw din it-tranżizzjoni ambjentali.

Nemmen li t-triq ‘l quddiem lejn il-kisba tal-għanijiet ambjentali ambizzjużi tal-Unjoni Ewropea hija sfida t’opportunita’ għall-gżejjer. Bħala Membru tal-Parlament Ewropew, fejn qed naħdmu wkoll bis-sħiħ fuq dan il-qasam, nemmen li  huwa kruċjali li b’mod kontinwu nibqgħu nissorveljaw il-progress tal-politika ħadra u dik tal-ekonomija ċirkolari u nivvalutaw l-eżitu u l-impatt fuq il-gżejjer imxerrda mal-Unjoni Ewropea.

  • Titkellem ukoll dwar l-iżvantaġġi permanenti u doppji ta’ intrapiżi li ġejjin mill-gżejjer. Xtaqt il-ħsibijiet tiegħek dwar dan.

Iva, u hawn nagħmel punt li nħoss li huwa importanti. Bħalissa qed nitkellmu dwar il-fażi ta’ rkupru u wkoll dwar din il-Green Deal.  

Imma hawnhekk ma nistgħux ninjoraw waħda mill-aktar sfidi kruċjali li jaffaċċjaw l-ekonomiji tal-gżejjer, li hija d-dibattitu dwar l-Għajnuna mill-Istat.

Semmejtha digà – l-iżvantaġġ ġeografiku ta’ Intrapriżi Żgħar u Medji li joperaw fi gżejjer u li għandhom spejjeż operattivi ogħla u li għalhekk għandhom dak li nsejjaħ bħala żvantaġġ kompetittiv li dejjem jibqa’ hemm.

Hu minnu li minħabba l-COVID19 kien hemm rilassament temporanju tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat, imma din l-eċċezzjoni mhix dispożizzjoni speċifika għall-gżejjer.

Matul in-negozjati dwar l-Istrateġija Ewropea għall-SMEs, ma kienx faċli nikkonvinċi lill-kollegi tiegħi dwar dan il-punt. U hawn nemmen li dan kien minħabba li mhumiex konxji bis-sħiħ ta’ din il-kwistjoni – l-iżvantaġġ ġeografiku tal-gżejjer mhuwiex fuq bażi temporanja. 

Nemmen li rridu nkunu aktar sensittivi għall-kundizzjonijiet permanenti. U din hija r-raġuni għaliex ir-Rapport dwar l-Istrateġija tal-SMEs, kif approvat mill-Kumitat ITRE, jitlob li, f’każ ta’ reviżjoni futura tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-iżvantaġġi ġeografiċi u l-kundizzjonijiet speċjali tal-gżejjer għandhom jiġu kkunsidrati kif dovut.

Ekonomija

Sport