Għawdxi ta’ 34 sena jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li hedded lil eks sieħbha tiegħu u li allegatament qalilha li se jitfalha l-aċtu fuq wiċċha u wiċċ oħtha.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li meta saret telefonata lill-akkużat, dan qalilha li mhux se jmur l-għassa u kien għalhekk li dan ġie arrestat.
Ingħad kif l-imputat irreżista l-arrest. Tant li biex jiġi arrestat u jittieħed fil-lock-up b’kollox kien hemm mas-seba’ uffiċċjali tal-Pulizija li kellhom iniżżluh fl-art biex arrestawh.
Fil-Qorti, l-imputat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża mmexxija mill-avukat Josephine Farrugia Mifsud għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġezzjonata mill-Prosekuzzjoni. L-avukat Farrugia Mifsud qalet li l-imputat kellu inċident meta kien żgħir u moħħu ma jaħdimx bħal ta’ kulħadd.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputat fuq diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.