Saturday, November 23, 2024

Għawdxi mhux ħati għall-mewt ta’ kollega wara ikla tal-Milied

Aqra wkoll

Raġel ta’ 62 sena li jgħix il-Fontana, Għawdex, ma nstabx ħati tal-qtil involontarju ta’ kollega tax-xogħol wara ikla tal-Milied.

Joseph Muscat kien mixli li fl-24 ta’ Diċembru 2013, għall-ħabta tal-5.00 p.m. f’Ħaż-Żebbuġ, ikkaġuna ġrieħi gravi lil Victor Refalo li wasslu għall-mewt tiegħu.

Iż-żewġt irġiel kienu jaħdmu mal-istess kumpanija u kienu qed jattendu festin tal-Milied.

Peress li Refalo kien daqxejn xurban huwa talab lil Muscat iwasslu d-dar u dan aċċetta li jwasslu sal-pjażż ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Meta waslu fil-pjazza nqala l-argument għax Refalo ried jwasslu sad-dar u beda jagħti lil Muscat għax ma riedx jinżel mill-karozza. Muscat imbuttah ‘il barra b’Refalo jaqa’ u jaħbat rasu mal-art.

Il-Pulizija ressqet lil Muscat fil-Qorti l-għada tal-Milied tal-istess sena fejn permezz tal-Ispettur Roderick Agius akkużatu li ikkaġunalu feriti gravi.

Fit-28 ta’ Diċembru Refalo miet u kien għalhekk li l-Pulizija bidlet l-akkuża għal waħda ta’ qtil involontarju.

Fl-istqarrija lill-Pulizija l-akkużat insista li huwa mbotta lil sieħbu għax dan beda jagħtih.

Il-Maġistrat Nadine Lia, li semgħet il-kawża, irrimarkat li l-prosekuzzjoni ma resqet ebda persuna li rat l-inċident u ikkritikat lill-Pulizija talli ħalliet nies jitilqu minn fuq il-post qabel ħaditilhom id-dettalji.

Hija sostniet li l-Pulizija straħet fuq CCTV camera fl-inħawi fejn jidher li wara li Muscat telaq minn fuq il-post Refalo kien bilqegħda, qam bil-wieqfa waħdu u waqa’ mbagħad ġiet ambulanza li ħaditu l-isptar.

Kien għalhekk li saħqet li ma setgħax jiġi konkluż jekk Refalo miet kawża ta’ ġrieħi li setgħu ġew ikkaġunati mill-akkużat inkella tal-waqa’ tiegħu u għalhekk illiberat lilll-akkużat mill-akkuża tal-qtil involontarju.

Sport