Il-ħames ġurnata tad-19-il edizzjoni tal-Kampjonati tad-Dinja tal-Għawm, li qed isiru f’Budapest, l-Ungerija, kienet kollha kemm hi tar-Rumen David Popovici li rebaħ il-100m biex għaqqad doppjetta tal-isprints meta kien diġá rebaħ il-200m.
100m FREESTYLE IRĠIEL
Ma kienx hemm Caeleb Dressel, iżda l-għajnejn kollha kienu fuq iċ-champion tad-dinja tal-200m, David Popovici tar-Rumanija, li kien fuq demgħa meta kellu quddiem għajnejh ir-rekord tad-dinja.
Kien il-Franċiż Maxime Grousset li rreaġixxa l-aktar malajr barra mill-blokki. Liendo Edwards beda tajjeb u mar fil-vantaġġ quddiem Popovici u Grousset.
It-tnejn fin-nofs għadhom kemm laħqu lill-Kanadiż u issa huma dawk it-tlieta li se jkunu fuq il-podju, meta Popovici għeleb lil Grousset b’0.06 meta spiċċa fil-ħin ta’ 47.58 sekondi. Grousset ħa l-fidda f’47.64 u Edwards il-bronż f’47.71.
“Naħseb li jien ftit aktar kburi bil-200; se niddiskutu t-tellieqa, naraw kif marret, xi stajt tejjibt u xi stajt għamilt aħjar. Għandna triq twila, twila ‘l quddiem,” qal Popovici.
200m BUTTERFLY NISA
L-għawwiema Kanadiża ta’ 15-il sena, Summer McIntosh, warrbet dak kollu quddiemha biex rebħet il-200m butterfly fl-ewwel tellieqa tal-ġurnata tan-nisa.
Kienet Zhang Yiufei taċ-Ċina li bdiet l-iktar veloċi tant li wara l-ewwel 50m marret fil-vantaġġ b’iktar min-nofs sekonda bl- Amerikana Regan Smith u McIntosh warajha t-tieni u t-tielet.
Imbagħad fit-tielet tul kienet McIntosh li marret quddiem bi Smith u Zhang warajha. Fid-dritta finali kienet McIntosh li baqgħet sejra biex tikseb rebħa famuża fil-ħin rekord tad-dinja tal-juniors ta’ 2:05.20 minuti.
Fit-tieni post daħlet l- Amerikana Hali Flickinger f’2:06.08 biex ħadet il-midalja tal-fidda waqt li Zhang ħadet il-bronż f’2:06.32.
200m IND. MEDLEY IRĠIEL
Il-Franċiż Leon Marchand kiseb double fid-distanzi medji meta wara li kien rebaħ l-400m Individual Medley u anke l-fidda fil-200m butterfly huwa żied midalja tad-deheb oħra meta l-bieraħ rebaħ il-200m Individual Medley fil-ħin ta’ 1:55.22 minuti.
Il-midalja tal-fidda rebaħha l-Amerikan, Carson Foster, li spiċċa fil-ħin ta’ 1:55.71 waqt li l-bronż marret għand il-Ġappuniż Daiya Seto f’1:56.22.
50m BACKSTROKE NISA
Midalja tad-deheb oħra għall-Kanada ġiet miksuba minn Kylie Masse li ħarġet rebbieħa fil-50m backstroke fil-ħin ta’ 27.31 sekondi. Din kienet tellieqa ta’ tul wieħed fejn l-Awstaljana Kaylee McKeown kellha bidu sod iżda meta kważi l-għawwiema kollha kienu viċin il- ħajt kienet Masse li ħarġet rebbieħa.
Il-midalja tal-fidda marret għand Katharine Berkoff tal-Istati Uniti f’27.39 u l-bronż għand il-Franċiża Analia Pigree f’27.40.
MIXED 4x100m FREESTYLE NISA
Fl-aħħar tellieqa li saret nhar l-Erbgħa, l-Istati Uniti għamluhom 10 midalji tad-deheb meta rebħu l-Mixed 4×100 Medley Relay fil-ħin ta’ 3:38.79 minuti.
Il-midalja tal-fidda rebħuha l-Awstralja meta spiċċaw fi 3:41.34 waqt li dik tal-bronż marret għand l- Olanda li ħallew lil Britannja warajhom b’.11 ta’ sekonda. Il-ħin tal-għawwiema Oranġjo kien ta’ 3:41.54 u tal-Britanniċi 3:41.65.