Is-sitt ġurnata tad-19-il edizzjoni tal-Kampjonati tad-Dinja tal-Għawm, li qed isiru fid-Duna Arena ta’ Budapest, l-Ungerija, kienet dominata mill-għawwiema tal-Istati Uniti li komplew iżidu t-total tal-midalji bi tlieta tad-deheb u tlieta tal-bronż.
Iżda l-ġurnata tagħhom seta’ kellha konsegwenzi fatali meta l-atleta tal-għawm sinkronizzat, Anita Alvarez, kienet viċin li setgħet tegħreq.
200m BACKSTROKE IRĠIEL
L-għawwiem Amerikan li jispeċjalizza fil-backstroke, Ryan Murphy, tant li rebaħ id-deheb Olimpiku għal erba’ darbiet u għandu r-rekord tad-dinja tal-100m fl-istess dixxiplina, żied il- midalja tad-deheb tal-200m backstroke meta spiċċa t-tellieqa f’1:54.52 minuti.
Murphy kien diġa’ rebaħ midalja oħra meta ħa l-fidda fil-100m backstroke.
Kien il-Britanniku Luke Greenback li rebaħ il-midalja tal-fidda fil-ħin ta’ 1:55.16 waqt li Shaine Casas għamilhom 1-3 għall-Amerikani meta ħa l-midalja tal-bronż f’1:55.35.
200m BREASTROKE IRĠIEL
L-Awstralja rebħu r-raba’ midalja tad-deheb f’tellieqa li ma kienx fiha rebbieħ tal-midalja tal-bronż minħabba li żewġ għawwiema spiċċaw bl-istess ħin u għalhekk rebħu waħda tal-fidda kull wieħed.
Ir-rebbieħ tad-deheb kien Zak Stubblety-Cook li spiċċa fil-ħin ta’ 2:07.07 minuti waqt li l-fidda ħaduha Yu Hanaguruma tal-Ġappun u Erik Persson tal-Isvezja li spiċċaw fl-istess ħin ta’ 2:08.38.
100m FREESTYLE NISA
L-Awstralja komplew iżidu t-total tal-midalji meta Mollie O’Callaghan rebħet l-iktar tellieqa mistennija, il-100m freestyle, bil-ħin tagħha ikun ta’ 52.67 sekondi.
Il-midalja tal-fidda rebħitha l-Isvediża, Sarah Sjostrom, li messet il-ħajt fil-ħin ta’ 52.80 sekondi.
Torri Huske tal-Istati Uniti spiċċat fit-tielet post biex ħadet il-midalja tal-bronż fil-ħin ta’ 52.92.
200m BREASTROKE NISA
L-Istati Uniti kellhom żewġ għawwiema oħra fuq il-podju li rebħu l-midalja tad-deheb u dik tal-bronż. Kienet Lilly King li telgħet fuq l-iktar tarġa għolja meta rebħet il-200m breastroke fil-ħin ta’ 2:22.41 minuti.
Il-midalja tal-fidda marret għand l-Awstraljana Jenna Strauch li temmet id-distanza fi 2:23.04 waqt li Kate Douglass għamlithom doppjetta għall-Amerikani ta’ 1-3 meta spiċċat fil-ħin ta’ 2:23.20.