Wednesday, December 25, 2024

Għawm: L-Italja tagħlaq b’35 midalja

Aqra wkoll

Rebħiet għal Thomas Ceccon (100m backstroke) u t-team tal-irġiel tal-4x100m medley relay għenu lill-ospiti l-Italja jagħl­qu l-aħħar ġurnata tal- Kampjonati Ewropej tal-Għawm b’total eċċezzjonali ta’ 35 midalja, 13 minnhom deheb. Dan jammonta għal 1190 punti, li għenhom jis­piċċaw sew fuq Franza (641) u l-Britannja (622).

Fuq il-karta l-finali tal-400m freestyle setgħet ma kellhiex xi wħud mill-akbar ismijiet murija matul il-lejla finali, iżda pproduċiet wie­ħed mill-aktar riżultati impressjonanti. Il-Ġerma­niż Lukas Martens, 20 sena, għamel l-avvanz tiegħu bl-400m fidda fil-Kampjonati tad-Dinja ta’ Budapest aktar kmieni din is-sena u beda l-kampanja tiegħu f’Roma 2022 bil-fidda wkoll fit-800m.

Martens kellu wirja kbira fejn rebaħ fi tliet minuti 42.50 sekondi waqt li Antonio Djakovic tal-Isvizzera (3:43.93) kiseb il-fidda, u l-Ġermaniż l-ieħor, Henning Muehlleitner (3:44.53) ħa l-bronż.

Wara li kiseb it-titli tad- Dinja u tal-Commonwealth fil-50m freestyle u kkwalifika għall-finali ta’ Roma 2022 bl-aktar ħin veloċi, Ben Proud kien il-favorit assolut għad-deheb.

L-avvenimenti ‘splash-and-dash’ ta’ 50m huma dej­jem tlielaq stretti, iżda din forsi iktar mis-soltu bi Proud ma jkunx jista’ jwar­rab lir-rivali tiegħu. Fl-aħħar stadji ftit kien hemm diffe­renza bejn sitta mit-tmien għawwiema fit-taqtiegħa.

Proud għamel il-ħin tiegħu lejn il-ħajt b’perfezzjoni biex jikseb hat-trick stupend ta’ titli f’21.58 sekondi – 0.02 sekondi biss qabel Leonardo Deplano (21.60) tal-Italja li ħa l-fidda, u l-Grieg Kristian Gko­lo­meev (21.75), il-bronż.

Il-finali tal-100m backstroke rat lid-detentur tar-rekord dinji tal-100m, Thomas Ceccon tal-Italja jagħti wirja ta’ surmast biex rebaħ id- deheb meta spiċċa fi 52.21 sekondi, bil-Grieg Christou Apostolos (52.24) jieħu l-fidda u l-Franċiż Johann Ndoye Brouard (52.92) il-bronż.

Lana Pudar tal-Bosnja/Herzegovina, li f’Jannar għal­qet 16-il sena, bdiet il-kampanja tagħha f’Ro­ma 2022 bil-bronż fil-100m butterfly. Fil-200m butterfly hi­ja kienet f’lane 2, iżda tat prestazzjoni innovattiva biex tirbaħ l-ewwel titlu internazzjonali tal-kbar f’ħin ta’ 2:06.81. Id-Daniża Helena Rosendhal Bach (2:07.30), kisbet ukoll l-ewwel midalja tagħha tal-kbar f’korsa twila bil-fidda, bit-Taljana Ilaria Cusinato (2:07.77) tieħu l-bronż.

Jekk kien hemm xi għawwiem li ħaqqu ftit fortuna fl-aħħar lejla f’Ruma, kien l-Ungeriż Hubert Kos, 19-il sena. Huwa spiċċa darbtejn ir-raba’ din il-ġimgħa fejn ġarrab sensiela ta’ telfiet sofferti matul il-karriera tie­għu. Iżda s-17 ta’ Awwissu, 2022, kien il-jum li fl-aħħar l-affarijiet inbidlu. Kos ipproduċa l-wirja ta’ ħajtu (1:57.72) biex rebaħ il-200m Ind. Medley biex żamm liċ-champion tal-400m Ind. Medley, it-Taljan Alberto Razzetti (1:57.82), li rebaħ il-fidda kif ukoll lill-Portugiż Gabriel Lopes (1:58.34) li rebaħ il-bronż.

Il-folla ta’ madwar 7,000 spettatur fl-istands kienet qed tittama li tara liċ-champion tal-100m breaststroke Benedetta Pilato ‘tikseb double’ fuq id-distanza ta’ 50m breaststroke. Kienet it-tieni l-aktar kwalifikata veloċi għalkemm biċ-champion Olimpika ta’ Londra 2012, Ruta Meilutyte, irreġistrat l-aħjar ħin tal-karriera tagħha fis-semi-finali. Il-Litwana għamlet bidu aktar b’saħħtu u għalkemm Pilato naqqset id-distakk fl-aħħar metri Meilutyte stirat u laħqet il-ħajt l-ewwel f’29.59. Pilato ħadet il-fidda (29.71) u l-Britannika, Imogen Clark, (30.31) il-bronż.

Inkluż Roma 2022, it-Taljana Simona Quadarella ddominat l-avvenimenti tal- freestyle fuq distanzi fl-aħħar tliet edizzjonijiet tal- Kampjonati Ewropej.

Id-difiża tat-titli tal-400m, 800m u 1500m kienet il-mira tagħha u wara suċċessi aktar kmieni din il-ġimgħa hija ‘biss’ kellha bżonn suċċess ieħor biex tgħaqqad t-‘triple-triple’.

Madankollu, Isabelle Marie Gose tal-Ġermanja kellha ideat oħra u fl-aħħar mill-aħħar it-Taljana ma setgħetx tirrispondi. Id-deheb mar għand Gose (4:04.13), Quadarella (4:04.77) ħadet il-fidda u Ajna Kesely tal- Ungerija (4:08.00) il-bronż.

Roma 2022 rat xi wħud mill-aqwa wirjiet tar-relay ta’ kull żmien u l-lejla finali ma kinitx eċċessjoni fl-4x100m medley re­lay tan-nisa – għall-inqas għan-newtrali. L-Italja llidjat fil-backstroke u breaststroke – megħjuna miċ-champions tal-100m Mar­gherita Panziera u Benedetta Pilato – iżda Franza u l-Isvezja bdew ir-rimonta tagħhom.

L-Isvezja kellhom lil ċerta Sarah Sjostrom fil-freestyle u fil-verità id-deheb mar għand nazzjon wieħed biss. Sjostrom kisbet it-tielet deheb tagħha tal-avveniment – u 28 midalja tal- Kampjonat Ewropew li kabbrulha ir-rekord – hekk kif it-team spiċċa fi 3:55.55 minuti. Franza (3:56.36) ħadet il-fidda u sprint brillanti minn Marrit Steenbergen għen lill-Olanda (3:57.01) tikseb il-bronż. Kienet is-sitt midalja tagħha f’Roma 2022 u għaqqdet is-sett ta’ kuluri wara erba’ deheb u fidda.

Wara li t-team tan-nisa ġie mċaħħad mid-deheb, kien f’idejn l-irġiel Taljani biex jiżguraw finitura perfetta ta’ ‘storja tal-ħolm’ għal Roma 2022 għall-ospiti. Il-formazzjoni tar-relay, kienet tinkludi lil Thomas Ceccon, Nicolo’ Martinenghi, Matteo Rivolta u Alessandro Miressi, fejn fil-verità huma ta’ klassi għalihom. Huma kabbru l-vantaġġ wara kull leg u rebħu f’ħin rekord ġdid tal-kampjonati ta’ 3:48.46. Franza (3:32.50) u l-Awstrija (3:33.28) rebħu l-fidda u l-bronż rispettivament.

Ekonomija

Sport