Il-Franċiż Leon Marchand ferraħ lill-folla domestika entużjasta billi stabbilixxa rekord Olimpiku ġdid biex iddomina l-400m medley individwali u rebaħ id-deheb fil-Logħob li qed isir f’pajjiżu.
L-ewwel minn dak li l-istilla emerġenti qed jittama li jkunu erba’ midalji tad-deheb individwali f’Pariġi ġiet assigurata b’marġni ta’ 5.67 sekondi fuq il-Ġappuniż Tomoyuki Matsushita li spiċċa fit-tieni post, bl-Amerikan Carson Foster it-tielet fil-La Defense Arena.
Il-Brittaniku Max Litchfield spiċċa fir-raba’ post fl-avveniment għat-tielet Olimpjadi konsekuttivi, iżda waqqaf rekord ġdid Brittaniku ta’ erba’ minuti 8.85 sekondi.
Marchand, 22 sena, kien wieħed mill-poster boys fil-bini ta’ dawn il-Logħob u kien inkoraġġit mill-folla partiġġjana.
Huwa spiċċa ftit barra l-ħin tar-rekord dinji tiegħu stess iżda għeleb l-aħjar Olimpiku, li qabel kien stabbilit mil-leġġendarju Amerikan, Michael Phelps, fil-Logħob ta’ Beijing fl-2008.
Marchand huwa kkowċjat fl-Istati Uniti mill-eks ta’ Phelps, Bob Bowman, wara li bagħat ittra lill-Amerikan ta’ 59 sena qabel l-aħħar Olimpjadi fejn talbu għall-għajnuna, filwaqt li Phelps kien fl-arena biex jixhed ir-rebħa.
MARTINENGHI JWAQQAF LIL PEATY
Adam Peaty bid-dmugħ f’għajnejh kellu jikkuntenta bil-fidda Olimpika hekk kif it-Taljan, Nicolo Martinenghi, ħataf deheb fil-finali tal-100m breaststroke mill-aktar missielta.
Peaty, ta’ 29 sena, kien f’pożizzjoni tajba mal-25m mit-tmiem iżda ġie megħlub b’0.02 sekondi u spiċċa f’parità għat-tieni post mal-Amerikan, Nic Fink.
Il-Brittaniku kien qed jagħmel tentattiv biex isir biss it-tieni għawwiem wara Phelps li jirbaħ l-istess avveniment tal-għawm fi tliet Olimpjadi konsekuttivi.
Il-ħin ta’ Martinenghi kien ta’ 59.03 sekondi waqt li Peaty u Fink ħadu l-fidda f’59.05.
IN-NISA AMERIKANI JAGĦMLUHOM
1-2 FIL-100m BUTTERFLY
Torri Huske u Gretchen Walsh għamluhom deheb u fidda għall- Istati Uniti meta l-100m butterfly kienet waħda mit-tliet finali fit-tieni ġurnata fil-pixxina.
Kienet Huske li ħarġet rebbieħa f’55.59 sekondi b’Walsh kellha tikkuntenta bil-fidda f’55.63 waqt li ċ-Ċiniża, Zhang Yufei, ħadet il-fidda f’56.21 wara l-fidda fl-Olimpjadi ta’ Tokjo.
Iċ-champion renjanti, il-Kanadiża Maggie Mac Neil, temmet il-ħames u l-Awstraljana, Emma McKeon, ir-reġina tal-pixxina f’Tokjo b’seba’ midalji, spiċċat is-sitta.