Għaxaq Boċċi Club rebħu s-Super Cup organizzata mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi wara li għelbu lil Buġibba Boċċi Club 21-2 fil-logħba li ntlagħbet fil-pitch ta’ Ħaż-Żabbar.
L-Għaxqin iddominaw dan il-konfront mill-bidu sal-aħħar fejn minbarra l-preċiżjoni li wrew, huma ftit taw ċans lill-avversarji tagħhom jidħlu fil-logħba. Huma fetħu vantaġġ sostanzjali sa mill-bidu u minkejja li Buġibba naqqsu l-marġni tal-iskor ftit setgħu jagħmlu fil-ġurnata.
Fi tmiem il-logħba, il-president tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi CJ Saliba ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Għaxaq Noel Axiaq.
Referee kien Mario Enriquez mgħejjun minn Redeemer Azzopardi.
Għaxaq lagħbu b’Michael Buhagiar, Chris Mallia, Joseph Tabone, Noel Axiaq, Emanuel Spiteri u Damon Grima.
Buġibba lagħbu b’John Borg, Mario Schembri, Steven Zammit, Jurgen Zammit u Dominic Ferrante.
Dan kien il-bidu tal-istaġun 2026 tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi hekk kif mix-xahar id-dieħel jibdew il-kampjonati tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni.

