Monday, March 30, 2026

Għaxaq Wolves jiftħu seba’ punti vantaġġ f’ras il-klassifika

Aqra wkoll

Għaxaq Wolves fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti f’ras il-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil Senglea Gunners 2-1.

Għaxaq Wolves – Senglea Gunners 2-1

Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żewġ timijiet li ssieltu kemm felħu sabiex jieħdu t-tliet punti finali.

Għaxaq marru minn fuq fit-28 minuta wara li Sebastian Nayar skorja minn freekick ferm sabiħ li bih għeleb lill-goalkeeper ta’ Senglea Bitseki.

Fit-tieni taqsima, Senglea ħarġu tajjeb u fl-54 minuta ġabu l-iskor indaqs hekk kif Moises Chijoke Nwankwo daħal tajjeb fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Lionel Martin bejn il-lasti Għaxqin.

Għaxaq skorjaw il-gowl li bih kisbu r-rebħa minn penalty wara li Stanimir Miloskovic twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur ta’ Senglea bir-referee jindika d-disk tal-penalty. Il-plejers Sengleani pprotestaw bl-aħrax għal din id-deċiżjoni. Mill-11-il metru, kien Sebastian Nayar li għeleb lil Bitseki għat-tieni darba sabiex ta t-tliet punti drammatiċi għat-tim tiegħu.

Referee kien Darko Stankovic. 

Marsa St Michael – San Ġiljan Saints 1-0

Gowl skorjat minn Ayoubah Fona minuta minn tmiem il-partita ta rebħa importanti ħafna għal Marsa St Michael fuq San Ġiljan Saints.

Din ir-rebħa issa poġġiet lill-Marsin fit-tieni post tal-klassifika hekk kif għandhom ukoll logħba nieqsa.

Referee kien Jean Pierre Sammut. 

Valletta St Paul’s – San Ġwann Pro Evolution Academy 3-0

Valletta St Paul’s ġejjin f’tagħhom hekk kif għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 3-0.

Sa tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin kienu qed jirbħu 1-0 sabiex fit-tieni taqsima huma żiedu tnejn oħra u rreġistraw il-ħames rebħa staġjonali.

Nika Glonti poġġa lis-St Paul’s minn fuq fl-10 minuta sabiex fit-tieni taqsima, Luka Asanideze fil-41 minuta u Juan Esteban Ortega Zarate żied ieħor minn penalty fl-aħħar minuta tal-logħba.

Referee kien Roderick Micallef. 

It-Tieni Diviżjoni

Birżebbuġa St Peter’s AFC – Ta’ Ġiorni Wanderers 8-0

Birżebbuġia St Peter’s AFC kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fit-tieni round wara li ddominaw kompletament lil Ta’ Ġiorni Wanderers u rebħulhom 8-0.

Protagonista ewlieni tal-logħba kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Oussama Boutayeb li skorja tripletta. Joshua Farrugia, Titi Dumitru, Jeremy Grixti, Ronnie Celeste u Karim Salman għaqqdu r-riżultat għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.

Referee kien Gordon Barbara. 

Swieqi United AFC vs Gudja Wanderers 7-0

Skor ieħor kbir kien reġistrat minn Swieqi United AFC li għelbu lil Gudja Wanderers 7-0.

Philippe Gla Henri u Mohandas Kolathiparambil skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Terrance Glen Dominicus, Suhail Manthrammal u Sobral Dos Santos Leonardo aċċertaw l-ewwel rebħa tat-tieni round għal Swieqi.

Referee kien Miguel Francica

Attard Edex Kings – Mqabba Albions 6-2

Anke Attard Edex Kings kisbu l-ewwel rebħa tat-tieni round wara skor ta’ 6-2 kontra Mqabba Albions.

Lucas Carvalho skorja hat-trick filwaqt li Felix Roberty kien awtur ta’ doppjetta. Abishek Paraparampil żied ieħor għal Attard.

Ersi Balliu u Hagy Semu Maher kienu l-awturi tal-gowls ta’ Mqabba. 

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

KLASSIFIKA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves – 26, Marsa St Michael – 19, Senglea Gunners – 17, alletta St Paul’s – 17, Valletta Stars – 15, San Ġiljan Saints – 10, San Ġwann Pro Ev – 9, Balluta Barracudas – 3.

KLASSIFIKA IT-TIENI DIVIŻJONI

Birżebbuġa SP AFC – 9, Ħamrun Sporting – 6, Attard Edex Kings – 4, Swieqi United AFC – 4, Naxxar Victorians – 3, Gudja Wanderers – 2, Mqabba Albions – 1, Ta’ Ġiorni W – 1.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport