Għaxaq Wolves telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 1-0.
Ma kinitx logħba faċli għall-Għaxqin speċjalment fit-tieni taqsima meta kellhom plejer imkeċċi u kellhom jiddefendu bis-sħiħ sabiex jaslu t-tliet punti finali.
Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat fit-38 minuta permezz ta’ Stanimir Miloskovic li bir-ras għeleb lill-goalkeeper ta’ San Ġwann wara cross mil-lemin.
B’din ir-rebħa, il-Wolves għandhom tliet punti vantaġġ fuq Marsa St Michael għalkemm għandhom logħba iktar.
Referee kien Paul Apap.
Sadanittant beda wkoll it-tieni round tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni fejn it-timijiet reġgħu bdew minn zero. Hekk kif Attard Edex Kings huma diġa’ aċċertati mill-promozzjoni, fadal tim ieħor li jrid jingħaqad magħhom f’din it-tieni fażi.
L-istess Attard bdew it-tieni round bi draw ta’ 1-1 kontra Gudja Wanderers.
Kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Lucas Carvalho li poġġa lil Attard minn fuq wara biss minuta sabiex Brandon Stivensen ġab l-iskor indaqs fit-53 minuta.
Referee kien Alex Grech.
F’logħba oħra li rriżultat ferm bilanċjata, Swieqi United u Ta’ Ġiorni Wanderers spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.
Referee kien Jonathan Balzan.
Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm ukoll il-MAFA KO fejn intemmet il-fażi tar-round tas-16.
Marsa St Michael kellhom jitħabtu aktar milli mistenni sabiex jegħlbu lil Balluta Barracudas 8-7 wara l-għoti tal-penalties.
L-iskor sa tmiem il-ħin regolamentari kien ta’ 5-5 hekk kif Darko Todorovski kien awtur ta’ tliet gowls għal Marsa b’Nehemiah Perry u Marcelo Coutinho li żiedu tnejn oħra.
Għal Balluta spikka Andrea Loferice li skorja tliet gowls b’Sebastian Agius u Timmy Zammit Lupi li komplew iżidu mal-iskor.
Wara l-għoti tal-penalties, kienu Marsa li għaddew bl-iskor ta’ 3-2.
Referee kien Thomas Debono.
Fi dwell bejn żewġ timijiet mit-tieni diviżjoni, Naxxar Victorians għelbu lil Mqabba Albions 2-1.
Kien Miguel Grima li poġġa lill-Albions fil-vantaġġ fis-17-il minuta sabiex Fabrizio Farrugia ġab l-iskor indaqs man-nofs siegħa logħob. Keith Zammit skorja l-gowl rebbieħ għan-Naxxarin fil-50 minuta.
Referee kien Gordon Barbara.



