Saturday, December 21, 2024

Għaxar rebbieħa jirċievu premjijiet għall-kompetizzjoni tal-posters

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaxar studenti ngħataw premju wara li rebħu kompetizzjoni illi  ħeġġet lit-tfal biex joħolqu grafika ta’ daqs A4 jew A3 dwar is-suġġetti tal-ibbaġitjar, it-tfaddil/l-infiq, kif ukoll il-prijoritizzazzjoni. Id-disinni kienu akkumpanjati b’deskrizzjoni ta’ 50 kelma relatati mat-tpinġija speċifika.

Din il-kompetizzjoni hija parti mill-kampanja illi qed toħloq kuxjenza dwar il-kunċett ta’ kapaċità finanzjarja, ĠEMMA, appoġġata mill-Fondazzjoni HSBC Malta, se tagħti vouchers ta’ kotba lir-rebbieħa ta’ kompetizzjoni ta’ posters għat-tfal tal-iskola primarja li qegħdin fil-5, fis-6, fis-7 u fit-8 sena.

Il-kompetizzjoni nfetħet għall-iskejjel kollha tal-Gvern, tal-Knisja, kif ukoll dawk privati, u ġiet organizzata mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u l-Assessjar fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni HSBC Malta u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.

Il-kompetizzjoni tal-posters ġibdet ħafna parteċipanti żgħażagħ li ssottomettew disinji inkredibbli tant li għamilha diffiċli għall-ġurija li jagħżlu r-rebbieħa minn din il-parteċipazzjoni ta’ livell daqshekk għoli. L-għażla kienet ibbażata fuq l-oriġinalità, l-attrazzjoni u l-pulitizza, l-indirizzar tas-suġġetti relatati mal-kapaċità finanzjarja kif ukoll il-koerenza mal-kitba pprovduta.

Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni se ssir fiċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva, l-Esplora, fil-Kalkara. Billi l-kompetizzjoni ġibdet tant parteċipanti, id-disinji tagħhom se jiġu wkoll esibiti l-Esplora, bejn it-22 ta’ Settembru sal-11 ta’ Ottubru, 2020.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr illi attivitajiet bħal dawn irawwmu sens ta’ responsabbilità fit-tfal filwaqt li jħeġġuhom jieħdu ħsieb flushom sa’ minn etajiet żgħar. Il-Ministru Falzon qal li l-Ministeru se jkompli jippromwovi attivitajiet soċjali illi jedukaw it-tfal jagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin. Dan filwaqt li f’moħħhom jibnu mudell ta’ stili soċjali tajbin għall-kumplament tal-ħajja.

Waqt li awgura lir-rebbieħa, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musu enfasizza l-livell għoli ta’ kreattività li ntwera fil-maġġoranza tad-disinji u rringrazzja lill-parteċipanti kollha li verament ħadu din il-kompetizzjoni bi impenn sħiħ. Huwa saħaq li din l-inizjattiva u oħrajn simili, organizzati minn ĠEMMA flimkien mal-istakeholders tagħha għandhom inisslu fiż-żgħażagħ l-importanza ta’ tfaddil b’mod intelliġenti u biż-żmien dan ikollu impatt ekonomiku pożittiv fuq is-soċjetà Maltija kollha kemm hi. Is-Sur Musu rringrazzja lill-għalliema fl-iskejjel differenti li wieġbu għal din il-kompetizzjoni tal-posters. Is-Sur Musu żied jgħid li persuna tista’ tara l-posters b’mod diġitali minn: https://gemma.gov.mt/poster-competition-showcase/. Huwa kkonkluda billi qal li l-posters se jintużaw fil-produzzjoni tal-Kotba Divertenti għall-Edukazzjoni dwar il-Kapaċità Finanzjarja li ĠEMMA qed taħdem mad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u l-Assessjar.

ĠEMMA, il-Fondazzjoni HSBC Malta u d-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u l-Assessjar ferħu lir-rebbieħa u fl-istess waqt li inkoraġġew lill-parteċipanti l-oħra biex ikomplu jipparteċipaw fl-inizjattivi edukattivi ta’ ĠEMMA li huma organiżżati minn żmien għal żmien.

Għal aktar dettalji tista’ żżur il-website ta’ ĠEMMA: https://gemma.gov.mt/

Ekonomija

Sport