Il-mappa u l-indiċi tad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBTIQ+ għall-għaxar sena konsekuttiva jpoġġu lil Malta fl-ewwel post fost 49 pajjiż Ewropew li huma mistħarrġa mill-Organizzazzjoni ILGA-Europe li taħdem biex tippromwovi d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+. Dan l-indiċi jsir wara evalwazzjoni ta’ seba’ indikaturi li jinkludu fost oħrajn, l-ugwaljanza, id-drittijiet legali u ċivili, in-nondiskriminazzjoni, il-familja u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg stqarret li din il-kisba tal-ewwel post għall-għaxar sena konsekuttiva f’dan l-indiċi prestiġjuż hija xhieda tar-rieda politika tal-gvern u tal-impenn kontinwu tas-soċjetà ċivili favur soċjetà ekwa u inklussiva.
Hija qalet li dan ir-rikonoxximent Ewropew isaħħaħ id-determinazzjoni tal-gvern biex ikollna l-ogħla standards f’dan il-qasam u niżguraw li ma jintilfux id-drittijiet li nkisbu fl-aħħar snin.
“Filwaqt li niċċelebraw dawn il-kisbiet importanti, aħna mħassbin bit-telfien ta’ xi drittijiet li qed iseħħu bnadi oħra fl-Ewropa. Malta tibqa’ soda fl-impenn tagħha favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u trid tibqa’ sservi bħala xempju dwar ir-rispett għall-ugwaljanza u d-diversità,” kompliet is-segretarju parlamentari.
Hija sostniet ukoll li l-ħarsien u l-avvanz tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ jirriflettu intrinsikament id-demokrazija u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd.
Hija qalet li Malta tibqa’ ddedikata biex taħdem f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab internazzjonali sabiex tmexxi ’l quddiem l-ugwaljanza u tiżgura li d-drittijiet u d-dinjità tal-individwi LGBTIQ+ jiġu rrispettati kemm domestikament kif ukoll internazzjonalment.
F’dan il-kuntest semmiet li l-ġimgħa d-dieħla, Malta se tospita l-Forum u l-Laqgħat tal-Esperti tal-IDAHOT+ bħala parti mill-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa, li ser jiddiskutu d-drittijiet LGBTIQ+ u l-ugwaljanza.