Il-21 ta’ Marzu, 2026, jimmarka l-10 anniversarju minn meta l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca mar jiltaqa’ mas-Saċerdot il-Kbir, fid-Dar tal-Missier.
Mons. Mercieca kien saċerdot umli li f’qalbu kellu niċċa speċjali għat-tfal, speċjalment dawk morda jew fi tbatija. Kien jappoġġja u jinkuraġġixxi l-aħjar kura u ħsieb għalihom, f’kull kontest u aspett tal-ħajja. Kien iħobb ukoll jiltaqa’ u jitkellem mat-tfal.
L-inawgurazzjoni uffiċjali, nhar it-13 ta’ Ottubru, 2025, taċ-Ċentru Nazzjonali tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid, fakkaritni f’kemm Mons. Mercieca kien baqa’ japprezza stedina li saritlu mit-Tabib Moran biex nhar il-11 ta’ Novembru, 1979, fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-Isptar Karin Grech, jiċċelebra Quddiesa fil-Kappella tal-Isptar San Luqa u wara jbierek l-isptar il-ġdid għat-tfal.
L-istedina kienet waslitlu permezz ta’ ittra miktuba bl-idejn mit-Tabib Moran, bħala Ministru tas-Saħħa Kienet ittra, datata 5 ta’ Novembru, 1979, li Mons. Mercieca baqa’ jgħożż mhux kemm għaliex permezz tagħha huwa ġie mistieden iqaddes fil-ftuħ tal-isptar għat-tfal, li nzerta kien se jsir fil-jum li fih huwa għalaq 51 sena, kif ukoll għall-mod ferm rispettuż li bih indirizzah il-Ministru Moran.
Wara li semma lill-Arċisqof li l-Isptar tat-Tfal kien se jinfetaħ uffiċjalment il-Ħadd, 11 ta’ Novembru, 1979, il-Ministru Moran kompla jiktiblu hekk lil Mons. Mercieca:
“Għalkemm inħossni li forsi qed nabbuża, però, inħoss ukoll li bħala Ministru tas-Saħħa hu dmir tiegħi li umilment nitlobkom li f’dak il-jum mhux biss tonorawna bil-preżenza tagħkom imma wkoll biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa mqaddsa u bit-tberik tal-isptar. Din iċ-ċelebrazzjoni tkun waħda li denjament tiftaħ kapitlu ieħor fl-istorja tas-Servizz Mediku ta’ artna. Filwaqt li nitlobkom skuża għal xi nuqqas li stajt ikkommettejt, nitlob umilment il-barka tagħkom.”
Fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa tal-okkażjoni, wara li radd ħajr lill-Ministru Moran għall-istedina biex iqaddes fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-isptar, l-Arċisqof Mercieca qal li għalih dan kien ta’ sodisfazzjon sabiħ għaliex tah iċ-ċans li għal darba oħra jsemmi l-qalb tajba tal-poplu Malti. Mons. Mercieca spjega li l-Malti għandu qalb li taf tħenn u tħobb, ukoll jekk xi drabi din il-kwalità forsi tidher imċajpra. Huwa qal li kien xieraq li jintwera apprezzament għal kulma sar biex iseħħ il-proġett, li jkabbar l-għożża li għandu jkollu kulħadd għas-saħħa tat-tfal.
Dakinhar, l-Arċisqof Mercieca qal ukoll:
“L-Isptar huwa msemmi għal Karin Grech. Huwa sptar għat-tfal. Dan juri li għalkemm Karin Grech tfakkarna f’episodju li jsewdilna qalbna, hija Karin Grech stess li qed tixhed l-imħabba li l-poplu Malti għandu għat-tfal. Hija ġiet meqruda fil-bidu, fil-ftuħ taż-żgħożija tagħha. Iżda dan, filwaqt li juri l-iżball li jagħmel il-bniedem meta jitwarrab minn Alla, ma jħassarx it-tjubija tal-qalb Maltija.
“Għalhekk, illum, permezz ta’ dan l-isptar imsemmi għal Karin, aħna qed inġeddu t-twemmin tagħna fit-tfal; fir-rispett u l-imħabba li għandu dejjem ikollna għall-ħajja mill-bidunett tagħha. It-tfal juruna l-ħajja. Aħna nħobbu u ngħożżu t-tfal. Inħossu t-tfixkil u d-diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom. Iżda l-qalb Maltija tħobb it-tfal u taħdem għalihom anke bl-ikbar sagrifiċċji.
“Dawn is-sentimenti tagħna tal-lum huma msaħħin mill-grazzja li Alla qed jitfa’ fuqna talli qegħdin nitolbu f’din il-quddiesa. Alla jgħinna biex dan l-Isptar, bil-ħidma u koperazzjoni ta’ kulħadd, imdawlin mit-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja jkun għall-ġejjieni l-ferħ u l-kburija tagħna.”
L-apprezzament tal-Ministru Moran għall-preżenza attiva tal-Arċisqof Mercieca fl-okkażjoni huwa reġistrat f’ittra li Dr. Moran kiteb lil Mons. Mercieca fl-14 ta’ Novembru, 1979: “Ma nistax nesprimilek biżżejjed il-pjaċir li ħadna li stajt inti stess tiċċelebra l-quddiesa ġewwa l-kappella, u aħna konvint li bi kliemek sejrin ngħinu lit-tobba u n-nurses tal-isptar biex ikomplu jwettqu l-missjoni tagħhom b’mod l-aktar xieraq u siewi.”
Id-Djar tal-Knisja għat-Tfal
Fl-1978, sentejn wara li Mons. Mercieca sar arċisqof, saret riorganizzazzjoni sħiħa fid-Djar tat-Tfal. Dan seħħ wara kors immexxi minn letturi li kienu nġiebu apposta mill-Ingilterra.
F’messaġġ li ħareġ fis-7 ta’ Settembru, 1981, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Kummissjoni tal-Knisja għad-Djar tat-Tfal. Mons. Mercieca sejjaħ dawn id-Djar bħala xbiha ħajja tal-imħabba u l-għożża Maltija għat-tfal. Huwa awgura li fost il-Maltin tibqa’ l-imħabba li kienet teżisti minn dejjem għat-tfal u li ma tonqos qatt l-għajnuna ġenerużi għad-Djar li jieħdu ħsiebhom.
Waqt li rrikonoxxa u apprezza il-ġid li għamlet il-Kummissjoni Djar tat-Tfal fl-ewwel 25 sena tagħha, Mons. Merceca nkuraġġiha fl-impenn tagħha li tagħti dehra ġdida lill-edukazzjoni tat-tfal fl-Istituti tal-Knisja, b’tibdil fis-sura tal-Istituti biex il-ħajja tat-tfal fihom issir tixbaħ kemm jista’ jkun il-ħajja fil-familja.
Ir-riformi l-iktar importanti li saru bil-ħidma tal-Kummissjoni, immexxija minn Mons. Maurice Grech, kienu jinkludu l-edukazzjoni tat-tfal fl-iskejjel tal-Istat u mhux aktar fl-istitut stess; it-tneħħija tal-uniformijiet tat-tfal, li kienu jneħħu l-individwalità tagħhom; it-tfal ma baqgħux jinħarġu għat-talb tal-flus jew biex jattendu għall-funerali; ġew ifformati ‘gruppi tal-familja’; u saret Soċjetà għall-Adozzjoni.
Kors ieħor dwar il-kura tat-tfal sar fit-12 u t-13 ta’ Ottubru, 1981. Għalih attendew sorijiet u persuni oħrajn li kienu qed jaħdmu f’dan il-qasam. L-Arċisqof Mercieca żar lill-parteċipanti. Huwa ħeġġiġhom biex jagħmlu użu mill-metodi ġodda tax-xjenza fil-qasam tal-kura tat-tfal u biex jaħdmu ħalli dak li t-tfal fid-Djar tal-Knisja ma jkunux sabu fil-familja, isibuh fihom. Dawn it-tip ta’ korsijiet komplew b’mod regolari.
F’nofs Ġunju 2003, bid-direzzjoni tal-Arċisqof Mercieca, il-Knisja f’Malta nediet policy ġdida għas-servizzi residenzjali u servizzi oħrajn tagħha lit-tfal u liż-żgħażagħ, fosthom ċentri għal matul il-jum, kura preventiva ma’ familji b’diffikultajiet, kenn temporanju lill-ġenituri u l-ulied li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fid-dar taż-żwieġ, adozzjonijiet, u fostering.
Ir-riforma ġabet magħha wkoll isem ġdid għall-Kummissjoni Djoċesana għad-Djar tat-Tfal u għall-Uffiċċju Djoċesan għad-Djar tat-Tfal. Fid-dawl tal-missjoni dejjem aktar wiesgħa tad-Djar, il-Kummissjoni saret magħrufa bħala Kummissjoni Djoċesana “Ejjew Għandi”, waqt li l-Uffiċċju sar magħruf bħala Uffiċċju Djoċesan “Ejjew Għandi”.
Il-policy kienet tapplika għal 16-il Dar tal-Knisja mmexxijin minn ordnijiet reliġjużi, lajċi u voluntieri.
Fl-2016, l-aħħar sena ta’ Mons. Mercieca bħala Arċisqof, fid-Djar tal-Knisja għat-Tfal kien hemm residenti madwar 210 tifel u tifla. Kien hemm ukoll ħames ċentri għal matul il-jum li kienu jospitaw fihom 60 tifel u tifla, kif ukoll żewġ postijiet għal każi ta’ vjolenza domestika, li kienu qed jospitaw 12-il familja bit-tfal.
Id-Dar tal-Providenza
Fis-26 ta’ Mejju, 1987, f’laqgħa mal-ġurnalisti, l-Arcisqof Mercieca ħabbar it-twaqqif tal-Fundazzjoni Mons. Mikiel Azzopardi bħala tifkira u sinjal ta’ rikonoxximent għall-ħidma kbira ta’ Mons. Azzopardi b’riżq l-inkapaċitati, primarjament bil-proġett tad-Dar tal-Providenza.
Dwar suċċessur ta’ Monsinjur Azzopardi, f’dak l-istadju, għajnejn l-Arċisqof Mercieca kienu fuq Mons. Lawrenz Gatt, li sa dakinhar kien għadu Rettur tas-Seminarju. Mons. Gatt, li beda l-ħidma tiegħu bħala Direttur tad-Dar tal-Providenza nhar l-1 ta’ Lulju, 1987, jirrakkonta li meta bagħat għalih biex jagħtih din il-kariga, Mons. Mercieca qallu: ‘Se nagħtik l-aktar ħaġa prezzjuża li għandha d-Djoċesi’.
Nhar il-21 ta’ Marzu, 2016, il-jum li fih miet l-Arċisqof Mercieca, id-Direzzjoni tad-Dar tal-Providenza ħarġet messaġġ fejn fost ħwejjeġ oħrajn jingħad hekk: “Id-Dar tal-Providenza tibqa’ tgħożż l-imħabba u l-interess speċjali li l-Arċisqof Emeritus Mons. Mercieca dejjem wera lejn id-Dar. Jibqa’ jidwi f’widnejna l-kliem li qal lil Dun Mikiel Azzopardi l-fundatur tad-Dar fil-funeral tiegħu nhar l-14 ta’ Mejju, 1987, fil-KonKatidral ta’ San Ġwann: ‘Mur moħħok mistrieħ, Dun Mikiel. Serraħ rasek għax l-inizjattivi kollha li bdejt se jitkomplew’. Għaldaqstant, Mons. Mercieca ra li l-opra li waqqaf Dun Mikiel titkompla kif fil-fatt ġara.”
L-aħħar attività tad-Dar tal-Providenza li attenda Mons. Mercieca kienet il-quddiesa ta’ ringrazzjament li saret fil-KonKatidral ta’ San Ġwann fit-18 ta’ Settembru, 2015, fl-okkażjoni ta’ għeluq il-ħamsin sena mit-twaqqif tad-Dar.
It-tfal fil-familja
Fl-aħħar omelija li Mons. Mercieca għamel bħala Arċisqof ta’ Malta, nhar it-18 ta’ Jannar, 2007, meta ċċelebra l-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fl-okkażjoni ta’ tmiem it-tletin sena ta’ servizz tiegħu bħala Arċisqof, l-għożża tat-tfal u t-trobbija tagħhom żammhom f’moħħu wkoll.
“Inbati ħafna u ħafna ma’ dawk it-tfal kollha li, minkejja d-dritt tagħhom għal trobbija minn missierhom u ommhom flimkien, jinsabu mċaħħdin minn dan meta forsi jistgħu ma jkunux. Inħoss ħafna nara tfal żgħar imweġġgħin u mifxulin, ma jistgħux jifhmu għaliex missierhom u ommhom ma baqgħux flimkien.”
Huwa tenna t-twemmin tiegħu “li jekk mhux se nagħmlu tassew minn kollox, Stat, Knisja u kulħadd, biex inħarsu lill-familji tagħna minn dak kollu li jwassalhom għat-tifrik u jikkaġuna tant tbatija mhux biss fil-ġenituri imma wkoll fl-ulied, il-gwaj li hemm jistenna lill-familja Maltija u lis-soċjetà tagħna nibża’ ħafna li jista’ jkun kbir.
“Lill-ġenituri nitlobhom u nappellalhom ikunu lesti li jagħmlu kull sagrifiċċju biex l-imħabba tagħhom lejn xulxin, magħġuna mat-trobbija flimkien ta’ wliedhom, tkun imħabba dejjiema. Inħeġġiġhom iqegħdu lil uliedhom fl-ogħla post f’ħajjithom. Uliedhom huma aqwa minn kull ġid materjali u kull suċċess professjonali jew ta’ karriera li jista’ jkollhom. Ma hemm ħadd u xejn aqwa minn uliedhom.
“Intenni wkoll it-tħeġġiġa tiegħi lill-politiċi kollha tagħna biex ma jehdew qatt jistinkaw ħalli l-Istat jgħin b’kull mezz possibbli lill-familja, fejn hemm bżonn anke b’iżjed finanzi, biex il-familja tkun dak li hi kif ukoll biex l-omm u l-missier ikunu jistgħu tassew jagħtu lil uliedhom, speċjalment meta jkunu għadhom żgħar, it-trobbija meħtieġa skont is-sejħa naturali tagħhom ta’ omm u missier.”
Żjarat fl-iskejjel
Fost l-iktar ħidmiet pastorali li kellu għal qalbu Mons. Mercieca kien hemm iż-żjarat fl-iskejjel u d-djalogu li kien ikollu mat-tfal u l-adolexxenti. Okkażjonijiet bħal dawn kien ifittixhom u jistennihom b’ħerqa. Iżda kien ikun irid li kollox jimxi mingħajr ħafna storbju.
Skont ix-xewqa ta’ Mons. Mercieca, l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja ma kienx jagħti tagħrif lill-media nazzjonali dwar dawn il-ħidmiet tiegħu. Bħal fil-każ taż-żjarat lill-morda, huwa kien ikun irid li ma jkun hemm xejn li jista’ b’xi mod jagħti l-impressjoni li huwa kien iżur l-iskejjel għall-pubbliċità. Ried li żjarat bħal dawn ikunu ħielsa għal kollox minn dan ir-riskju. Ried ukoll li dawn jibqgħu okkażjonijiet fejn huwa jkun jista’ jkompli jitkellem mat-tfal u mal-istudenti bil-mod miftuħ u sempliċi tiegħu. Fihom kien jara esperjenza pastorali sabiħa u dejjem friska.
Fost l-iskejjel li Mons. Mercieca kien iħobb imur kien hemm l-iskejjel tas-snajja’. F’każi bħal dawn, kien jieħu gost isir jaf ukoll xi snajja’ jkunu qed jitgħallmu ż-żgħażagħ u kif. Dwar x’kien iseħħ f’dawn l-esperjenzi, nhar l-10 ta’ April, 2016, iltqajt max-xiehda pubblika li ta bil-miktub Lino Zahra, mill-Isla, fil-Leħen is-Sewwa:
“Malli smajt bil-mewt tal-Arċisqof Mercieca mill-ewwel ftakart fin-nofs ta’ nhari sbieħ li għadda mal-istudenti l-kbar tal-iskola tas-Snajja’ Umberto Calosso waqt il-festin tal-farewell li konna bdejna nagħmlulhom.
“Mort infittex il-kopji tal-iSchool Annual Magazine u sibt l-ewwel artiklu fuq l-ewwel żjara li l-Arċisqof Mercieca għamel f’din l-iskola fuq stedina tad-Direttur Spiritwali, Dun Frans Abdilla (wara Monsinjur).
“Kien nhar il-Ħamis, 13 ta’ Ġunju, 1991, meta l-Arċisqof ġie kmieni fl-iskola u għadda ħin tajjeb jitkellem ma’ dawn l-istudenti miġbura fil-librerija tal-iskola. Il-librerija kienet imżejna għall-okkażjoni. L-istudenti dehru jinteressaw irwieħhom għall-kliem tal-Arċisqof u għall-mod sempliċi li bih kellimhom. Wara baqa’ jitkellem mal-għalliema u dar il-ħwienet tax-xogħol u l-klassijiet kollha.
“Is-sena ta’ wara din iż-żjara reġgħet saret u baqgħet issir kull sena sal-bidu tas-snin elfejn meta ngħalqu l-iskejjel tas-snajja’. Iż-żjarat tiegħu, imżewqa bit-tbissima karatteristika u bil-kliem sempliċi tiegħu, ġew aċċettati ħafna mill-istudenti u l-istaff. Sena minnhom kien se jkun imsiefer u talabna nbiddlu d-data tal-farewell day biex ikun jista’ jiġi!”
Fiż-żjarat fl-iskejjel u l-laqgħat mat-tfal kien ikun hemm xi okkażjonijiet, waħdiet, fejn waqt il-mistoqsijiet lil Mons. Mercieca dwar tfulitu kienet tfeġġ ukoll xi mistoqsija dwar żgħożitu. Kien mill-inqas żewġ okkażjonijiet fejn ġie mistoqsi, ngħidu aħna, jekk kellux xi tfajla qabel ma sar qassis. It-tweġiba tiegħu kienet fl-affermattiv. Fl-istess ħin, kien pront iżid u jenfasizza li dan kien qabel ma daħal is-Seminarju. Jiena niftakru jgħidli li meta missieru nduna li kien tefa’ għajnejh fuq tfajla, missieru kien dritt semmielu l-istudju li kien qed jagħmel u ħeġġu jiddeċiedi fis-sod it-triq li ried jagħżel. Hekk għamel.
Kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn il-mistoqsija tal-adolexxenti kienet tkun marbuta mal-laqam tal-familja ta’ Mons. Mercieca, li kienu magħrufin bħala ‘Tal-Mewta’. Meta staqsewh jekk jibżax mill-mewt, Mons. Mercieca wieġeb li l-mewt ġieli kienet tgħaddi minn moħħu u meta jiġri hekk kien jipprova ma jibżax. Qal ukoll li huwa jitlob ’l Alla jagħtih ħajja li tkun iktar ta’ servizz lill-oħrajn u fil-bqija jħalli f’idejh.
Stanley Spiteri, operatur pastorali u editur tar-rivista Faraġ tal-Kummissjoni Ħidma għall-Morda u Persuni b’Diżabilità, tal-Azzjoni Kattolika Maltija, f’tislima editorjali li ta lill-Arċisqof Mercieca fil-ħarġa tal-Faraġ ta’ April-Mejju-Ġunju 2016 (wara l-mewt ta’ Mons. Mercieca) ftakar f’kemm Mons. Mercieca kien jieħu pjaċir lejlet il-festa ta’ Kristu Sultan, meta kienu jorganizzawlu laqgħa mat-tfal Maltin bħala r-Ragħaj spiritwali tagħhom.
Stanley kiteb li jumejn qabel laqgħat bħal dawn, Mons. Mercieca kien iċempillu u jistaqsieh fuqiex għandu jkellimhom, “għax hu kien jaf li jien kont għalliem, u allura kont inkun naf aktar mill-qrib minn xiex u x’problemi qed iħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal.”
Stanley semma wkoll li Mons. Mercieca kien jieħu pjaċir immens meta kien imur ibierek il-bambini u l-presepji tat-tfal fiċ-ċelebrazzjoni ferreħija li l-Azzjoni Kattolika Maltija kienet bdiet f’Malta fi żmien il-Milied:
“Ma ninsa qatt l-ewwel messaġġ li tahom fl-ewwel sena li organizzajna din l-attività. Kien staqsihom x’jagħmlu biha l-istatwa tal-bambin meta jkun għadda l-Milied. Tifla kienet weġbitu li ommha kienet tqiegħdu f’kaxxa taż-żraben u terfagħulha fuq xkaffa f’xi gwardarobba. Mons. Mercieca saqsiha kemm kien idum hemm il-bambin. It-tifla weġbitu li kien jibqa’ msakkar hemm għal sena sħiħa. Hawn, Mons. Ġużeppi ħareġ it-tagħlima sabiħa li matul is-sena kollha lil Ġesù Bambin m’għandniex inżommuh imsakkar f’kaxxa fid-dlam tal-gwardarobba, iżda nħalluh ħaj f’qalbna għax Hu biss jimlihielna bid-dawl tiegħu!”
Nota: Charles Buttigieg huwa l-ko-awtur tal-Memorji ta’ l-Arċisqof Mercieca (2014) u ta’ bijografija ta’ Mons. Mercieca (2017) – it-tnejn ippubblikati mill-Klabb Kotba Maltin.


