Fil-Jum Dinji li jfakkar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi mmarka l-kisbiet storiċi għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Malta u l-għaxar anniversarju mindu twaqqaf id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem.
F’konferenza tal-aħbarijiet, s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg elenkat lista twila ta’ riformi li saru fl-aħħar deċennju li saħħew ir-rispett u d-drittijiet tal-bniedem. Ewlenin fost dawn semmiet id-drittijiet ċivili għal persuni LGBTIQ+ fejn Malta għall-għaxar sena wara l-oħra tinsab fil-quċċata tal-klassifika Ewropea u kisbiet importanti oħrajn fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dawn ir-riformi poġġew lil Malta fost l-aqwa pajjiżi Ewropea. Hija kkummentat dwar l-indiċi tal-ugwaljanza li għadu kif ġie pubblikat dax-xahar mill-Istitut Ewropew dwar l-Ugwaljanza li irrikonoxxa l-qabża li għamilna mill-2015 ’il hawn tant li ġiet deskritta bħala l-aqwa avvanz fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
“Kissirna s-swar tal-konservattiviżmu u bnejna l-pontijiet għal soċjetà moderna u progressiva. Stinkajna għaliex riedna li kull persuna f’Malta u Għawdex tħossha stmata bid-dinjità kollha, li huwa dritt ta’ kull bniedem,” qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg. Is-Segretarju Parlamentari fakkret li d-Direttorat tad-Drittijiet tal-bniedem twaqqaf 10 snin ilu biex ikun katalista għar-riformi u biex jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem ikunu fil-qalba tal-politika tal-Gvern.
Żiedet tgħid li baqa’ isir biex ikollna soċjetà aktar ġusta u semmiet id-diversi strateġiji li qegħdin jiġu implimentati biex ikompli jsaħħu d-drittijiet tal-bniedem. F’din l-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg nediet pubblikazzjoni bl-isem ‘Championing Human Rights’ b’sensiela ta’ artikli minn protagonisti li mexxew ’il quddiem ir-riformi kbar fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.
Hija qalet li dawn l-artikli huma prova li meta naħdmu flimkien għal skopijiet ġusti, l-bidla anke fil-mentalità hija possibbli.

