Monday, December 23, 2024

Għaxar snin wara r-Rebbiegħa Għarbija

Aqra wkoll

Minn Ruben Briffa

Kollox kien beda wara li f’Diċembru tal-2010, fit-Tuneżija, ċertu Muhammed Bouazizi, ta n-nar lilu nnifsu wara li kien twaqqaf mill-awtoritajiet milli jkompli jbigħ il-ħaxix. Skont l-uffiċċju tal-gvernatur ta’ Tunis, il-kapitali, dan ma kellux il-permessi meħtieġa għax-xogħol. Però, jidher li r-raġuni vera li waslet sabhiex dan iż-żagħżugħ ineħħi ħajtu b’dan il-mod kienet li xi uffiċjali tal-gvern kienu qegħdin jikkommettu estorsjoni fuqu sabiex jagħlqu għajnejhom għall-fatt li ma kellux il-permessi. 

Miljuni ta’ nies fit-Tuneżija u fil-pajjiżi qrib assoċjaw ruħhom ma’ Muhammed għaliex kien ilhom is-snin iħossuhom maltrattati mill-awtoritajiet u f’kemm ilni ngħidlek bdew sensiela ta’ protesti f’diversi pajjiżi Għarab, li daħlu fl-istorja bħala r-Rebbiegħa Għarbija. Dawn il-protesti damu għaddejjin b’mod dirett għal sentejn sħaħ. Dawn il-protesti waslu għall-waqgħa ta’ erba’ dittaturi li qabel ma faqqgħet ir-Rebbiegħa Għarbija ftit kien jemmnu li jistgħu qatt jitneħħew mill-popli rispettivi taghhom. Barra minnhekk, ir-Rebbiegħa Għarbija affetwat numru ta’ pajjiżi Għarab oħra u waslet għall-gwerer ċivili fis-Sirja u fil-Jemen.

Tama li spiċċat f’togħma morra

Mal-waqgħa ta’ dawn id-dittaturi, il-komunità internazzjonali kienet bdiet tittama li f’dawn il-pajjiżi kienet sejra tidħol id-demokrazija. Però mill-pajjiżi kollha li ntlaqtu mir-Rebbiegħa Għarbija, nistgħu ngħidu li l-uniku pajjiż li beda jħaddem mudell demokratiku huwa ironikament dak li fih bdew il-protesti, jiġifieri t-Tuneżija. Fl-Eġittu, rajna lid-demokrazija tiġi fi tmiemha prattikament mal-konċepiment tagħha permezz ta’ kolp ta’ stat mill-armata. Kulħadd jaf x’ġara fil-Libja wara l-waqgħa ta’ Gaddafi. L-istess ġara fil-Jemen, il-pajjiż l-ieħor li kien neħħa lid-dittatur fir-Rebbiegħa Għarbija. Però, l-agħar li marret kienet is-Sirja bil-gwerra ċivili mdemmija li żviluppat mir-Rebbiegħa Għarbija, li fiha billew subgħajhom diversi pajjiżi oħra.

Effetti negattivi

Minflok daħlet id-demokrazija, r-Rebbiegħa Għarbija kompliet ħolqot aktar mexxejja awtokratiċi. Dan minħabba li dawn spiċċaw ossessjonati li xi darba sejra tmisshom l-istess xorti li messet 10 snin ilu lil Gaddafi u lid-dittaturi l-oħra. Sabiex tkompli tagħqad, dawn il-mexxejja raw ħafna mid-dħul ta’ pajjiżhom jieħu daqqa ta’ ħarta kbira minħabba l-waqgħa tal-prezzijiet taż-żejt. Kif jaf kulħadd, ħafna minn dawn il-mexxejja ilhom is-snin iżommu lill-poplu kwiet billi jqassmu l-flus mid-dħul mill-bejgħ taż-żejt. 

Tunisians protest outside the gates to the French Embassy in Tunis. Arab Spring began in Tunisia when a fruit vendor set himself on fire in protest in front of a government building.

Dan l-effett rajnieh fl-imġiba kemm ta’ Muhammed bin Salman, id-de-factum mexxej tal-Għarabja Sawdija, li qiegħed saħansitra jara xi wħud mill-qraba tiegħu bħala theddida għalih u spiċċa sabiex tefa’ numru minnhom il-ħabs, kif ukoll fit-tmexxija ta’ Abdel-Fattih al-Sisi, l-mexxej Eġizzjan. Bħal Muhammed bin Salman, al-Sisi jaf li kull xamma ta’ protesta mill-poplu jeħtieġ li tiġi mwaqqfa b’ kull mod possibli sabiex ma tirrepetix ruħha l-istorja ta’ 10 snin ilu. Fil-fatt, al-Sisi kemm-il darba spiċċa fil-mira tal-media internazzjonali minħabba s-sarima li għamel mal-media kollha ta’ pajjiżu u għall-mod ta’ kif kisser is-soċjetà ċivili Eġizzjana.

Il-fjamma ghadha tnemnem

Minkejja l-effetti negattivi tar-Rebbiegħa Għarbija ta’ 10 snin ilu, t-tama għal ħajja aħjar li daħlet f’ħafna nies ta’ nisel Għarbi għadha tinħass. Kienet propju din it-tama li sena ilu waslet għal numru ta’ protesti oħra madwar il-pajjiżi Għarab, protesti li minkejja li għamlu ħafna anqas ħoss minn dawk ta’ 10 snin ilu waslu għal waqgħa ta’ aktar mexxejja minn dawk li tilfu l-poter fir-Rebbiegħa Għarbija. 

Erġajna koppi?

Ir-riżultati tal-qawmien tal-2019 ma tantx jidhru li sejrin ikunu aħjar minn dawk ta’ 10 snin ilu. Il-ħajja fil-pajjiżi bħall-Iraq, l-Alġerija, il-Libanu u s-Sudan, li kienu protagonist fil-protesti ta’ sena ilu, ftit li xejn tjiebet mal-bidla fit-tmexxija. 

Għalfejn daqshekk diffiċli?

Matul din is-sena rajna studju wara l-ieħor jiġu ppubblikati mill-media internazzjonali sabiex jippruvaw isibu r-raġuni għalfejn il-pajjiżi Għarab qegħdin isibuhom ferm aktar diffiċli mill-pajjiżi l-oħra sabiex idaħħlu d-demokrazija. 

Waħda mir-raġunijiet li ħarġet minn ħafna minn dawn l-istudji hija li l-karattru qalil tal-Għarab għandu bżonn mexxej awtokratiku sabhiex jigi kkontrollat. Raġuni oħra li taw dawn l-istudji hija li f’dan ir-reġjun, l-armati għandhom wisq saħħa u ghalhekk dejjem qegħdin iwaqqfu l-process naturali li bih is-soltu tidħol id-demokrazija f’pajjiż. Naturalment, fattur ieħor li ħareġ kien il-kontroll li għandhom l-awtoritajiet reliġjużi fuq il-popolazzjoni. Ma jonqosx li jissemma wkoll li l-indħil kostanti minn pajjiżi barranin fil-politika ta’ dan ir-reġjun.

X’jeħtieġ li jsir

Minkejja d-diffikultajiet li semmejna, studji oħra juru li fl-aħħar mill-aħħar, ħafna mill-Għarab jixtiequ li f’pajjiżhom tidħol id-demokrazija. Din ix-xewqa hija aktar prominenti fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Però, sabiex il-proċess tad-dħul tad-demokrazija ma jibqax jigi interrott kull darba li jibda, dawn il-pajjiżi jridu jassiguraw li istituzzjonijiet bħall-universitajiet, il-media lokali u l-qrati jidhru li huma indipendenti mill-indħil tal-gvern. Naturalment, dan mhuwiex faċli meta għandek mexxejja li jafu li d-dħul tad-demokrazija jfisser it-tmiem tal-karriera politika tagħhom jekk mhux ukoll xi sentenza ta’ ħabs jew addirittura t-tmiem ta’ ħajjithom.

Huwa proprja hawn fejn dawn il-pajjiżi għandhom bżonn l-għajnuna tal-punent. L-universitajiet Ewropej u dawk Amerikani għandhom jagħtu aktar boroż ta’ studju lill-istudenti Għarab sabiex dawn jigu mrawma f’kultura bbażata fuq in-nepotiżmu minn dik li twieldu fiha. Minn fost dawn iż-żgħażagħ wieħed jittama li joħorġu mexxejja liberali għal dawn il- pajjiżi. Il-punent għandu wkoll jagħmel aktar pressjoni fuq dawn il-pajjiżi meta jkun hemm rapporti ta’ oppressjoni fuq ġurnalisti u attivisti. Huwa biss b’dan il-mod li n-nofs miljun vittma tar-Rebbiegħa Għarbija ma jkunux mietu għal xejn. 

Ekonomija

Sport