Għal darb’oħra l-poplu Malti se jingħaqad biex jgħin lill-marid. Fil-lejl ta’ bejn illum, Ħamis ix-Xirka 17 ta’ April u għada l-Ġimgħa l-Kbira 18 ta’ April se ssir l-20 edizzjoni tal-Mixja bil-lejl tal-Ġimgħa l-Kbira b’risq Puttinu Cares, appuntament li sar annwali li jibda f’nofsilejl minn Pjazza Parrokkjali tal-Mellieħa (Pjazza tal-Mellieħa) u tispiċċa fil-Fosos fil-Furjana.
Din il-mixja, twila madwar 17-il km u tieħu bejn erba’ sa ħames sigħat biex titlesta, kienet nibdiet minn Joseph Vella. Ġara li tul is-snin il-poplu Malti u Għawdxi beda dejjem aktar jidħol bi ħġaru għaliha tant li llum il-ġurnata l-parteċipazzjoni għal din il-Mixja b’għan altruwist telgħet bl-eluf.
Dan is-sit tkellem ma’ Vella, il-persuna li beda, kompla u llum reġa’ qiegħed jorganizza din il-Mixja, mixja li turi l-qalb kbira tal-poplu Malti. Min-naħa tiegħu Vella spjegalna li għażel jiġbor fondi għal Puttinu Cares għax Puttinu jagħmel ħafna ma’ kull min huwa fil-bżonn u jipprova jgħin kemm jista’ lill-pazjent kif ukoll lill-familjari.
Kummenti li jwassluh biex jemmen u naħdem aktar…
“Ma’ kull min titkellem, kulħadd l-istess kelma – ‘Puttinu kien hemm għalija fiż-żmien diffiċli, imn’alla kien Puttinu għalija’. Aktar ma nisma’ dawn il-kummenti aktar nemmen u naħdem biex niġbor somma sostanzjali ħalli Il-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira tkun ta’ aktar għajnuna,” spjega Vella.
Huwa li llum il-ġurnata għandu 67 sena, irrakkontalna kif kien lura fl- 2003, li “twieldet” Il-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira. “Bdiet bħala idea li nagħmlu s-seba’ visti proprju bil-mixi biss bħala sagrifiċċju. Maż-żmien, hekk kif l-attendenza bdiet tiżdied, flimkien mal-familjari ddeċidejt li se nibda norganizza din il-Mixja b’risq Puttinu Cares”.
Mistoqsi jekk jitħajjarx jespandi din it-tip ta’ mixja għal mard/kundizzjonijiet jew kawżi oħra Vella qal li, “għalkemm il-mira tagħna hija dejjem li ngħinu kemm jista’ jkun lill-pazjenti u lin-nies fil-bżonn, nemmen li jekk is-somma miġbura tiġi maqsuma bejn entitajiet differenti, is-somma mhiex se tagħmel differenza daqs kemm tagħmel meta tigi mogħtija lil entità waħda”.
Kien fi żmien il-Covid biss li ma saritx
“Kienet ta’ dieqa kbira għalija…”
Il-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira seħħet għall-ewwel darba fl-2003 u għaliha kienu biss tnejn, Vella u r-raġel tat-tifla tiegħu. Tul is-snin l-attendenza bdiet tiżdied u b’hekk baqgħet tikber. Hawn l-organizztur tagħha nsista li, “ma nistax ma nsemmiex li aktar ma bdiet tikber il-mixja, bdew ukoll jiżdiedu l-isponsors li huma ta’ għajnuna kbira speċjalment minħabba li l-mixja hija kollha kemm hi sponsorjata”.
Kien biss fi żmien il-Covid li din il-Mixja ma saritx. Fir-rigward Vella stqarr li, “minkejja li kien żmien diffiċli u ta’ dwejjaq għal kulħadd, kienet ta’ dieqa kbira li ma stajtx norganizza l-Mixja. Però f’dan iż-żmien rajt aktar minn qatt qabel il-bżonn u l-għajnuna ta’ Puttinu Cares u b’hekk bqajt dejjem inħares ‘il quddiem u nittama li hekk kif tgħaddi l-pandemija, kollox jerġa’ jirritorna għan-normal u l-Mixja terġa’ tibda ssir bħas-snin ta’ qabel”.
Mistoqsi x’inhija l-akbar sfida li jiffaċċjaw f’din il-Mixja Vella semma’ l-organizzazzjoni meħtieġa biex jikkolaboraw ma’ diversi entitajiet u jikkordinaw ma’ diversi persuni fl-oqsma differenti ħalli jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jassiguraw li kollox imur kif suppost fil-ġurnata.
Min-naħa tiegħu Joe Vella temm billi qasam magħna l-akbar xewqa tiegħu f’dan ir-rigward – “dik li nibqa’ nara l-Mixja tikber, l-attendenza tan-nies tiżdied u s-somma finali tkun ta’ ammont akbar”.