Bħala spiżjar li jaħdem fl-industrija tal-kura tas-saħħa, Kenneth Briffa jagħmel mezz li jiżgura li l-aktar terapiji ġodda għall-kura tal-kanċer isiru iżjed aċċessibbli għal min għandu bżonnhom, biex dawn jgħixu iżjed u jgħixu ħajja aħjar. Għaldaqstant, xogħlu huwa iżjed personali minn hekk. Wara li ra l-omm ta’ ħabib tiegħu, u aktar tard lil ommu stess, jitilfu l-ġlieda tagħhom kontra l-kanċer, Kenneth esperjenza b’mod dirett l-impatt profond li l-kanċer jista’ jkollu fuq il-pazjent u fuq il-familja tiegħu.
“Minn dejjem ħassejtni miġbud sabiex insir naf iżjed fuq kif jaħdmu l-affarijiet. Dak li affaxxinani l-aktar kien kif il-mediċina taħdem fuq il-ġisem biex tiġġieled u tfejjaq il-mard.”
“Madankollu, ma neskludix li dan il-faxxinu jinsab fid-demm peress li missieri wkoll huwa spiżjar u ħadem fl-industrija farmaċewtika ħajtu kollha,” jgħid Kenneth.
Iżda l-avveniment li probabbilment imbuttah l-aktar lejn ix-xjenzi tal-ħajja kien meta student fl-istess skola sekondarja miegħu, tilef lil ommu minħabba l-kanċer.
“Kienet esperjenza li ġiegħlitni nistaqsi ħafna mistoqsijiet. Kif seta’ jkun li l-mediċina ma rnexxilhiex tfejjaq lil din il-mara? Kif seta’ jkun li l-mediċina naqset lil din il-pazjenta u lill-familja tagħha biex dawn baqgħu iġarrbu tant niket matul ħajjithom kollha?”.
“Niftakar li kien hemm żmien meta kont qed nikkunsidra karriera fil-qasam tal-kompjuters iżda din l-esperjenza ħassejtha ħafna u ħalliet impatt qawwi fuqi.”
“Kien għalhekk li spiċċajt biex għażilt lin-nies minflok lit-teknoloġija.”
Illum, Kenneth ilu jaħdem mal-kumpanija tal-farmaċewtika u l-benesseri Vivian għal diversi snin u fix-xogħol tiegħu, jaħdem mill-qrib ħafna ma’ professjonisti tal-kura tas-saħħa li jikkollabora magħhom kuljum filwaqt li jżomm ruħu aġġornat dwar l-aktar trattamenti ġodda tal-kanċer li jeżistu għall-pazjenti.
“Il-mediċina avvanzat b’mod inkredibbli miż-żmien meta kont għadni l-iskola qed nistudja. Għaldaqstant, xorta għadna ma nistgħux insalvaw lil kulħadd.”
“Ftit snin ilu tlift lil ommi wkoll. Il-marda tagħha kienet waħda aggressive ħafna u kull trattament li ppruvajna ma setax iwaqqaf jew għallinqas, itaffi l-marda tagħha.”
“Madankollu, hemm ħafna ommijiet li għalhekk mardu, xorta għadhom jistgħu igawdu lill-familji tagħhom. Mhux biss għadhom ħajjin, iżda l-kwalità tal-ħajja tagħhom hija ħafna iżjed aħjar minn kif setgħet kienet sa ftit ta’ snin ilu,” żied qal Kenneth.
Huwa semma l-fatt li l-akbar sodisfazzjon tiegħu isibu kull meta jsir jaf li trattament ġdid li jkun għen sabiex jidħol f’Malta, jkun kiseb suċċess u jkun salva lil xi ħadd.
“Din hija l-iżjed ħaġa li tagħtini sodisfazzjon fil-karriera tiegħi. Għalija, kull pazjent huwa important u kull darba li nsir naf li xi ħadd irnexxielu jgħix u qed ikompli jgawdi lill-familja tiegħu, hija xi ħaġa li tagħtini sens ta’ kisba kbira.”
“Mill-banda l-oħra, l-iżjed ħaġa li tagħtini diżappunt hija li nkun naf li hemm ħafna trattamenti ġodda li qed ikunu approvati iżda dawn għadhom ma mhumiex disponibbli lokalment,” żied jgħid.
Fil-ħidma tiegħu, Kenneth jinsab f’kuntatt dirett ma’ ħafna professjonisti tal-kura tas-saħħa li għandu ammirazzjoni kbira lejhom. “Id-dedikazzjoni li għandhom lejn il-pazjenti tagħhom hija xi ħaġa inkredibbli u ta’ ispirazzjoni kbira għalija.”
“Għaldaqstant, nifhem ukoll il-frustratzzjoni tagħhom. Bħala professjonisti tal-kura tas-saħħa, kollha kemm aħna għandna l-istess impenn – li nwasslu t-trattament it-tajjeb lill-pazjent it-tajjeb u il-ħin opportun. Huwa għalhekk li t-tobba, l-infermiera, l-ispiżjara, l-impjegati tal-gvern u dawk kollha li jaħdmu fil-privat, kollha jridu jiżguraw li l-pazjenti, hu x’inhu l-istadju li jkunu jisabu fih, se jkollhom aċċess għall-aħjar trattament li għandhom bżonn.”
Dan l-aħħar reġa’ ħareġ rapport dwar kif Malta qed tkompli tikklassifika ruħha ‘l isfel fl-aċċess għall-mediċini.
L-istħarriġ Waiting to Access Innovative Therapies Indicator Survey, ippubblikat mill-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations, wera kif f’Malta, 2% tal-mediċini biss, minn dawk approvati mill-UE huma kompletament aċċessibbli għall-pubbliku. Meta niġu għal trattamenti tal-onkoloġija, 54% tal-mediċini mhumiex disponibbli f’Malta, filwaqt li 43% huma disponibbli biss privatament.
“Kull min jaħdem fl-industrija tagħna jaf li l-aċċess għall-mediċini moderni huwa problema li taffettwa lill-Ewropa kollha, u hija sitwazzjoni li ġġib magħha inugwaljanzi allarmanti,” jinnota Kenneth.
“Dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur hemm bżonn li jibqgħu jikkomunikaw iżjed bejniethom, u b’mod aħjar. Din mhiex biss kwistjoni li nkunu kburin bis-sistema tas-saħħa iżda kwistjoni ta’ dinjità.”
“Fl-aħħar mill-aħħar, kull esperjenza tal-kanċer hija unika, u l-prijorità ewlenija għandha tkun li nħarsu lil hinn mill-marda u naraw lill-persuna qabel il-pazjent.”
“B’hekk biss niżguraw li l-bżonnijiet tan-nies u tal-komunitajiet jitpoġġew fil-qalba tas-sistemi tas-saħħa,” temm qal Kenneth.