Sunday, December 22, 2024

“Għedtlu lil Mario de Marco biss tridu hawn?”

... jixhed kif Bernard Grech ħareġ umiljat mill-każin tal-PN fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-aggressjoni fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun. 

Andrew Attard, ta’ 48 sena, qed jiġi mixli li nhar it-13 ta’ Awwissu li għadda, waqt il-festa ta’ San Gejtanu, weġġa’ gravi lil raġel ieħor.

L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien il-vittma – Noel Mifsud Bonnici. Huwa qal li kien it-13 t’Awwissu li għadda meta tela’ waħdu Strada Rjali għall-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun. Qal li ra l-marċ tat-Tamal għaddej minn quddiem il-każin tal-Miskina u li xħin għadda l-marċ qabad miexi. Xi ħin wara lemaħ grupp ta’ ħbieb, fosthom lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, u xi ħbieb li ilu jafhom sa minn ċkunitu.

Bonnici kompla jispjega li hu flimkien mal-grupp xorbu xi ħaġa flimkien u f’ħin minnhom wieħed minn tal-grupp ħareġ bl-idea li jmorru jixorbu l-każin tan-Nazzjonalisti tal-Ħamrun. Għall-ewwel xorbu xi ħaġa minn mal-bar u mbagħad qatgħuha li jidħlu fil-każin. Bonnici kien ir-raba’ jew il-ħames persuna fil-linja li ffurmaw biex jidħlu ġewwa minħabba li kien hemm folla kbira madwar il-każin. “Meta dħalna sibna lill-barman iżomm lil min kien tiela’ – lill-ewwel bniedem, għax ra lil Bernard dieħel. Manoel Attard (il-barman), kien kellem lil Paula Mifsud Bonnici u din qaltlu li ‘avżajniekom li ġejjin’”. Qal li kien hemm xi diskussjonijiet oħra, iżda ma  jiftakarhomx.

Semma li meta kien imiss lilu biex jidħol il-każin, għax “Bernard Grech kien diġà mar lura umiljat”, qal lill-barman: “għal-lum ħallejtha Manoel din?” … “Qalli ‘inti qed titkellem?’ u offendieni. Jien offendejtu lura u għedtlu ‘lil Mario Demarco biss tridu hawn?”

“Naf li mbagħad aggredewni żewġ persuni u spiċċajt in-naħa l-oħra fil-bankina. Qlajt xuttijiet ġo saqajja. Imbuttawni. Weġġajt. L-aktar li bdejt ninkwieta fuq saqajja,” qal Bonnici.

Bonnici qal li għalkemm aggredewh żewġ persuni, huwa rnexxielu jidentifika lill-Andrew Attard biss għaliex kien ilu jafu. Lill-ieħor ma rnexxilux jidentifikah minħabba li qatt ma kien rah qabel.

Il-każ mistenni jkompli fis-17 ta’ Ottubru.

Ekonomija

Sport