Il-Bank of Valletta ħabbar l-għeluq b’suċċess tal-ewwel serje u tranche fil-Programm ta’ Bonds Mhux Garantit fil-Munita Ewro għal Terminu Medju b’ammont massimu ta’ €325 miljun. Dan kien jinkludi ħruġ inizjali ta’ €100 miljun f’bonds subordinati mhux garantiti ta’ 5% li jimmaturaw bejn l-2030 u l-2035, bil-Bank jeżerċita l-Għażla ta’ Allokazzjoni Żejda b’mod sħiħ, u żied l-allokazzjoni għal €125 miljun wara domanda sostanzjali. Il-Ħruġ tal-Bond ġie sottoskrit b’mod sħiħ fi ftit jiem mit-tnedija fis-suq fil-5 ta’ Novembru 2025, u dan jirrifletti l-fiduċja fl-istabbiltà u d-direzzjoni strateġika tal-Bank.
F’kumment dwar l-għeluq ta’ dan il-Ħruġ ta’ Bonds, Dr Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia esprimew l-apprezzament tagħhom għar-rispons qawwi tal-investituri, waqt li rrimarkaw li din hija xhieda tal-fiduċja fis-suq, tar-reputazzjoni tajba u l-prestazzjoni tal-Bank.
Dr Gordon Cordina stqarr li “Dan l-għeluq b’suċċess jisħaq is-saħħa tal-Bank, li għandu karta tal-bilanċ li tirrapreżenta sehem sinifikanti tal-ekonomija Maltija. Aħna ntennu l-impenn tagħna li nipprovdu valur fit-tul lill-azzjonisti, lill-investituri u lill-istakeholders. Dan il-ħruġ huwa parti mill-inizjattivi tal-Bank f’din id-direzzjoni strateġika.”
Kenneth Farrugia qal, “Ir-rispons b’saħħtu tal-investituri jikkonferma l-istrateġija u l-prestazzjoni finanzjarja tagħna. B’riżultati konsistenti li nippreżentaw kull tliet xhur, aħna ninsabu f’pożizzjoni tajba biex nibqgħu nsegwu l-ambizzjonijiet tagħna ta’ tkabbir, filwaqt li nżommu bażi ta’ kapital b’saħħtu. Ninsab grat għall-investituri tagħna u għall-fiduċja kontinwa tagħhom, kif ukoll għad-dedikazzjoni tal-impjegati tal-Bank li jibqgħu ffukati li jagħtu valur lill-komunitajiet kollha li nservu.”


