Għal xi żmien għexet ħajja ta’ vagabonda. Ma kinitx taħdem. Għandha 46 sena. M’għandhiex fejn toqgħod u tgħix fejn issib li jista’ jagħtiha kenn fuq rasha. Proprju fl-aħħar jiem, qalb il-festini u ċ-ċelebrazzjonijiet li kien hawn, din il-mara marret f’kafeterija fil-Ħamrun u serqet ammont ta’ flus għad-detriment ta’ mara oħra.
Hi inqabdet u ttellgħet il-Qorti. Weħlet xahrejn ħabs.
Filfat hi kienet akkużata li nhar is-27 ta’ Diċembru 2025, bejn is-sagħtejn ta’ wara nofsinhar u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar f’Alfred’s Bakery Café fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Ħamrun, iKkommettiet serq sempliċi ta’ li ma jaċċedix l-ammont ta’ €232.92c, għad- detriment ta’ Josephine Vassallo.
Hi kienet akkużata ukoll li fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi, kemm il-darba tinstab ħatja irrendiet ruħha reċediva wara li nstabet ħatja b’sentenzi mogħtija mill-Qorti ta’ Malta, liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux jiġu mibdulin. Hi kienet akkużata ukoll talli nhar is-27 ta’ Diċembru 2025 kif ukoll fil-ġranet u ġimgħat ta’ qabel, għexet ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.
Il-Qorti ġiet mitluba biex minbarra li tinfliġġi l-piena skont il-liġi, tħaddem kontra l-ħati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta;
Il-Qorti rat li l-mara akkużata ammettiet l-akkużi fil-konfront tagħha u wara li l-Qorti wissietha b’mod l-aktar solenni dwar il-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni hija reġgħet ikkonfermat l-ammissjoni tagħha, u dan anke wara li l-Qorti tatha ċans tikkontempla l-ammissjoni tagħha u reġgħet ikkonsultat ma’ l-Avukat tagħha.
Il-Qorti qalet li l-fedina penali ta’ l-imputata u l-fatt li l-imputata ikkomettiet diversi reati matul is-snin, u sal-lum ma ħaditx l-opportunità għalkemm mogħtija diversi drabi biex tirriforma ruħha.
Ġiet ikkundannata għal priġunerija effettiva ta’ xaharejn.
Il-Qorti tissoleċita lid-Direttur għas-Servizzi Korretivi biex jagħmel l- arranġamenti neċessarji biex hi tibda tindirizza l-allegata problema ta’ użu tad-droga.



