Saturday, December 28, 2024

Għexieren ta’ eluf jieħdu sehem fi protesta kontra Franza fil-Bangladesh

Aqra wkoll

Aktar minn 50,000 persuna llum ħadu sehem fl-akbar dimostrazzjoni li qatt saret fil-Bangladesh wara li l-President Franċiż Emmanuel Macron iddefenda d-dritt tal-pubblikazzjoni ta’ karikaturi tal-Profeta Mohammed.

Id-dimostrazzjoni, li bdiet fl-akbar moskea fil-pajjiż twaqqfet milli tersaq ħafna tal-Ambaxxata Franċiża, fejn f’dawn l-aħħar sigħat żdiedet is-sigurtà hekk kif kompliet tiżdied it-tensjoni wara l-kummenti ta’ Macron.

Ir-rally kien twil aktar minn żewġ kilometri, bin-nies preżenti jġorru karikaturi u figuri li jimpersonifikaw lil Macron. Il-midja lokali rrapportat li anke kien hemm tebut falz għall-istess President Franċiż.

Il-Pulizija stmaw li madwar 50,000 persuna ħadu sehem f’dik li hija t-tielet protesta kontra Franza li żvolġiet fi żmien ġimgħa, madankollu l-organizzaturi qalu li aktar minn 100,000 persuna attendew ir-rally.

Dawk preżenti nstemgħu jgħajtu “aħna suldati tal-profeta”, “ma nibżgħux minn bullits jew bombi”, u “Macron, tinsab fil-periklu”. 

F’dawn l-aħħar jiem kienu organizzati diversi dimostrazzjonijiet f’diversi pajjiżi Musulmani madwar id-dinja wara li Macron iddefenda l-liġijiet għal-libertà tal-espressjoni fi Franza. Il-kummenti tiegħu waslu wara li għalliem inqatel wara li kien wera karikaturi tal-profeta Mohammed lill-istudenti tal-klassi tiegħu.

L-Iżlam jipprojbixxi kwalunkwe tpinġija ta’ Mohammed.

Ekonomija

Sport