Bawżer li kien qed iġorr kunsinna kbira ta’ fjuwil sploda wara li nqaleb fiċ-ċentru tan-Niġerja nhar is-Sibt filgħodu. F’dan l-inċident inqatlu 70 persuna li kienu hemm biex jieħdu l-fjuwil li għola fil-prezz fost kriżi ekonomika fil-pajjiż
Kumar Tsukwam, il-kap tal-Federal Road Safety Corps (FRSC) fl-Istat tan-Niġer, qal li t-trakk involut kien qed iġorr 60,000 litru gażolina inqaleb u sploda fit-triq li tgħaqqad il-belt kapitali, Abuja, mal-belt tat-Tramuntana ta’ Kaduna.
Fi stqarrija l-awtoritajiet qalu li folla kbira ta’ nies inġabret fuq il-post biex jieħdu l-fjuwil meta f’daqqa waħda l-bawżer sar ballun tan-nar bil-konsegwenza li ħakem tanker ieħor.
L-ekwipaġġi tas-salvtaġġ irnexxielhom jirkupraw 60 katavru minn fuq il-post. Ħafna mill-vittmi inħarqu sal-grad li ma baqgħux jingħarfu.
Fl-2023, il-President tan-Niġerja, Bola Tinubu abolixxa sussidju fuq il-fjuwil, miżura li qanqlet għadd ta’ protesti kienet wasslet biex il-prezzijiet tal-oġġetti essenzjali u oġġetti oħra jogħlew sostanzjalment.
Il-prezz tal-fjuwil żdied b’ħames darbiet fi 18-il xahar, u dan wassal biex ħafna jissograw ħajjithom biex jisirqu l-fjuwil waqt inċidenti tat-trakkijiet tat-tankers, li huma komuni fl-iktar pajjiż popolat tal-Afrika.
Il-gvernatur tal-istat tan-Niġer, Umaru Bago, ddeskrieva l-inċident bħala ta’ qsim il-qalb u sfortunat. Qal li numru mhux żvelat ta’ nies sofrew ukoll diversi gradi ta’ ħruq.
F’Ottubru li għadda, aktar minn 170 persuna mietu f’inċident simili fl-Istat ta’ Jigawa, fit-Tramuntana tan-Niġerja. Fl-2020, l-FRSC elenka 1,531 inċident ta’ bawżers tal-fjuwil, li ħasdu aktar minn 535 ħajja.