Għexieren ta’ nies iddaħħlu l-isptar minħabba kundizzjonijiet mediċi relatati mas-sħana hekk kif l-ewwel mewġa ta’ sħana kbira tas-sajf niżlet fuq il-Lvant tal-Amerika ta’ Fuq. Nhar it-Tnejn, aktar minn 150 persuna ħasshom ħażin waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni fi skola f’Paterson, New Jersey.
Twissijiet ta’ sħana ddaħħlu fis-seħħ mill-Midwest tal-Istati Uniti sal-Kosta tal-Lvant, kif ukoll f’partijiet tal-Kanada fosthom Ontario, Quebec u Nova Scotia, u affettwaw aktar minn 160 miljun persuna matul il-ġimgħa.
Is-Sindku ta’ Paterson Andre Sayegh iddikjara stat ta’ emerġenza minħabba s-sħana, ikkanċella l-attivitajiet rikreattivi kollha li kellhom isiru fiż-żona u fetaħ ċentri ta’ tkessiħ.
It-twissijiet li għadhom fis-seħħ jgħidu li t-temperaturi li qed jogħlew f’partijiet tal-Amerika ta’ Fuq jistgħu jaggravaw ir-riskju ta’ mard relatat mas-sħana, speċjalment minħabba livelli għoljin ta’ umdità.
Din il-mewġa ta’ sħana waslet inqas minn ġimgħa wara l-bidu uffiċjali tas-sajf fil-21 ta’ Ġnju, tant li l-bassara tat-temp qed jgħidu li diversi nħawi jistgħu jesperjenzaw temperaturi għoljin rekord.
Ir-reġjun ta’ Nofs l-Atlantiku huwa mistenni li jiffaċċja l-aktar kundizzjonijiet intensi segwit mill-Wied tal-Lvant ta’ Ohio. Diversi jiem konsekuttivi ta’ sħana oppressiva f’dawn l-inħawi jistgħu jżidu b’mod sinifikanti r-riskji għas-saħħa.
Bħalma jsir dejjem, is-Servizz Nazzjonali tat-Temp tal-Istati Uniti wissa lin-nies biex jieħdu azzjoni meta jaraw sintomi ta’ eżawriment mis-sħana u puplesija tas-sħana.
Fl-istess waqt in-nies qed ikunu avżati sabiex jevitaw ix-xemx matul l-aktar ħinijiet sħan tal-ġurnata, jixorbu ħafna ilma, u biex jiċċekkjaw individwi vulnerabbli, inklużi l-anzjani.
Għalkemm perjodi ta’ sħana estrema jaffettwaw ħafna partijiet tal-Amerika ta’ Fuq kull sajf, din il-mewġa ta’ sħana tista’ taqbeż ir-rekords f’xi postijiet.
Sadanittant, il-kumpaniji tal-enerġija fuq il-Kosta tal-Lvant appellaw lill-klijenti biex kemm jistgħu ma jaħlux l-enerġija, minħabba biżgħat ta’ qtugħ tad-dawl hekk kif miljuni ta’ nies jgħollu l-livelli tal-unitajiet tal-arja kkundizzjonata tagħhom minħabba s-sħana.