Il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti tal-Amerika tinsab għaddejja bi tfittxijiet għal 39 persuna li għebu wara li dgħajsa li kienu fuqu għereq ftit ’il barra mill-kosta ta’ Florida.
L-uffiċjali Amerikani kienu ġew mgħarrfa li sajjied lemaħ raġel iżomm ma’ dgħajsa maqluba madwar 45 mil ’il barra mill-belt ta’ Fort Pierce. Hekk kif ġie salvat, dan ir-raġel qal li huwa kien parti minn grupp ta’ persuni li telqu minn Bimini fil-Bahamas nhar is-Sibt li għadda u ntlaqtu minn maltempata qalila.
L-uffiċjali qalu li probabbilment din id-dgħajsa kienet parti “operazzjoni ta’ traffikar uman”. Skont l-individwu salvat, ħadd mill-passiġġieri ma kien liebes ġakketta tas-salvataġġ.
Id-distanza bejn il-Bahamas u Miami hija biss 80 mil, u t-tfittxijiet qed isiru fuq żona ta’ 135 mil. Sfortunatament inċidenti bħal dawn f’din iż-żona mhumiex xi ħaġa rari. Ħafna drabi dawn ikunu jinvolvi immigranti minn Kuba u Haiti li jkunu qed jipprovaw jidħlu fl-Istati Uniti.