Kollezzjoni kbira tal-arti proprjetà ta’ Paul Allen – kofundatur ta’ Microsoft li kien miet fl-2018 – se tkun qiegħda tiġi rkantata. Dan se jkun l-ikbar irkant tal-arti fl-istorja u mistenni li jlaħħaq il-valur ta’ $1 biljun.
L-irkant se jkun qiegħed jitmexxa mill-kumpanija Christie’s f’Novembru li ġej, u l-flus kollha miġbura se jkunu qegħdin jingħataw għall-karità – dan hekk kif xtaq Allen. Il-kollezzjoni tinkludi xogħlijiet kbar ta’ Botticelli, Renoir, David Hockney u Roy Lichtenstein.
B’kollox se jkun hemm 150 biċċa arti li se jkunu rkantati, u wħud minn dawn imorru lura 500 sena. Ewlenin fost dawn il-pitturi hemm La Montagne Sainte-Victoire tal-puttur Franċiż Paul Cezanne, li hija valutata iktar minn $100 miljun.
Allen kien waqqaf il-kumpanija Microsoft mal-ħabib tiegħu Bill Gates lura fl-1975. Huwa kien miet fl-2018 fl-età ta’ 65 sena.