Qorti fil-Korea t’Isfel sabet lill-eks President tal-pajjiż Yoon Suk Yeol ħati li kien il-moħħ wara rewwixta militari. Yoon ta’ 65 sena, ingħata sentenza ta’ għomor ħabs talli f’Diċembru 2024 kien hu li ppjana u mexxa r-rewwixta.
L-ordni ta’ Yoon għall-insurezzjoni intemmet wara biss ftit sigħat iżda kien avveniment li mhux biss ħasad lill-pajjiż kollu imma wkoll ipparalizza dak li kien fadal mill-gvern u swiet lill-partit tiegħu l-elezzjoni ta’ wara.
Yoon diġà qed jiskonta sentenza oħra ta’ ħabs għal kundanna oħra meta ordna liġi marzjali li ma rnexxietx. Minbarra hekk, huwa għadu qed jiffaċċja żewġ akkużi oħra.
Yoon ma kienx president popolari matul il-mandat tiegħu. L-attitudni konċiljatorja tiegħu lejn il-Ġappun laqtet ħażin lill-votanti Koreani, li huma sensittivi għall-kwistjonijiet storiċi li jirriżultaw mill-okkupazzjoni brutali tal-pajjiż mill-Ġappun.
Ir-rifjut tiegħu li jirrikonoxxi s-sejħiet dejjem jikbru biex tiġi investigata l-korruzzjoni ta’ martu wassal għal telfa kbira fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li saret xhur qabel ma ordna l-liġi marzjali.
Yoon ivvinta lilu nnifsu bħala figura populista tal-lemin wara t-tneħħija tiegħu mill-kariga. Huwa libes il-kappell aħmar, ispirat mill-moviment Amerikan Maga ta’ Donald Trump u rdoppja l-istqarrijiet bla bażi li aġenti Ċiniżi u Koreani ta’ Fuq kienu serqu elezzjonijiet tal-passat.
Aktar minn sena minn meta ddaħlet l-ordni tal-liġi marzjali, mijiet u eluf ta’ partitarji fi tmiem il-ġimgħa nġabru u għajtu ismu u sejħulu eroj nazzjonali u jidher li s-sostenituri tiegħu mhux se jaqtgħu qalbhom.
Il-qorti qalet li fiċ-ċentru ta’ dan il-każ hemm li Yoon kien bagħat truppi militari fil-Parlament meta ddikjara l-liġi marzjali f’Diċembru 2024.
Il-prosekuturi argumentaw li Yoon kien ippjana għal din il-liġi marzjali sa minn sena qabel Diċembru 2024.
Il-Qorti, minbarra li sabet ukoll li Yoon fil-fatt kien ordna lill-militar biex jaqbad u jarresta individwi speċifiċi, inkluż il-president attwali tal-Korea t’Isfel Lee Jae Myung, li kien il-mexxej tal-oppożizzjoni dak iż-żmien, emmnet ukoll li Yoon kellu l-intenzjoni li jipparalizza l-attività politika fl-Assemblea Nazzjonali.

